Fi stqarrija li ħarġu, sitt entitajiet tal-Knisja Maltija għamlu riflessjoni wara r-riżultat tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, il-Caritas, il-Kummissjoni Emigranti, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja, il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qalu li r-riżultat f’Malta u f’xi pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jinkwetahom minħabba l-fatt li l-ideoloġiji tal-Lemin-Estrem irnexxielhom iġibu numru konsiderevoli ta’ voti u anke jeleġġu membri fil-Parlament Ewropew.
Huma jgħidu li dan jinkwetahom għax dawn il-persuni jħaddnu ideoloġija ta’ mibegħda lejn min hu l-aktar dgħajjef fis-soċjetà tagħna. Din mhix kwistjoni ta’ libertà ta’ espressjoni, iżda ideoloġija mibnija fuq il-biża’, perċezzjonijiet żbaljati, nuqqas kbir ta’ informazzjoni u attitudni negattiva lejn persuni li huma differenti. Ħadd m’għandu dritt iweġġa’ lil ħaddieħor u jinħeba wara d-dritt tal-espressjoni, tgħid l-istqarrija.
L-entitajiet tal-Knisja fakkru fil-messaġġ tal-Papa San Ġwanni Pawlu II qabel ma telaq minn Malta fl-2001 dwar il-vokazzjoni ta’ Malta fiċ-ċentru tal-Mediterran biex tibni pontijiet bejn il-popli tal-Mediterran, l-Afrika u l-Ewropa. Qalu wkoll li bħala Nsara l-Maltin għandhom ikunu minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tal-ġustizzja u s-solidarjetà fl-Ewropa. Filwaqt li faħħret it-turn-out qawwi tal-Maltin f’din l-elezzjoni, li qalet juri li l-poplu Malti fehem u refa’ r-responsabbiltà tal-vot, il-Knisja awgurat lis-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin għall-ħidma tagħhom.
Il-Knisja fakkrithom li l-UE hi l-ewwel u qabel kollox proġett ta’ paċi u li huma għandhom id-dmir li dejjem ipoġġu d-dinjità tal-persuna fil-qofol ta’ kull deċiżjoni li jieħdu.
//= $special ?>