Lokali

Il-PN se jwaqqaf id-diskorsi politiċi ta’ kull nhar ta’ Ħadd

B’impenn biex jifformula stil ġdid ta’ politika u ta’ komunikazzjoni tal-messaġġ politiku tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jieqaf jorganizza d-diskors politiku ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Minflok, il-PN se jkun qed jiffoka l-enerġija tiegħu biex jiltaqa’ mal-għaqdiet non-governattivi u mal-familji fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Din id-deċiżjoni hi l-ewwel minn sensiela ta’ bidliet li se jwettaq il-PN, bil-għan li jressaq il-politika eqreb lejn in-nies.

Fi stqarrija, il-PN fakkar f’dak li ħabbar il-Kap tal-PN Simon Busuttil lbieraħ f’attività sportiva organizzata mill-fergħa Tim Sport PN. Hu qal li wasal iż-żmien li nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti. Dan jista’ jibda billi nwaqqfu d-diskorsi politiċi ta’ kull nhar ta’ Ħadd u minflok norganizzaw attivitajiet li jwassluna biex inkunu eqreb lejn in-nies u nifhmu l-messaġġ tal-familji minflok nitkellmu dejjem aħna, sostna l-Kap tal-PN.