Meta ġurnalist ta’ The Sunday Times of Malta bagħat mistoqsijiet lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes bħala parti minn investigazzjoni dwar l-ammont ta’ farms illegali f’pajjiżna, it-tweġiba li rċieva lura mingħand is-Segretarjat Parlamentari kienet biex il-ġurnalisti ta’ The Times jiġu mħeġġa jiktbu stejjer pożittivi. F’artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-bieraħ ta’ The Sunday Times, jingħad li l-ġurnalisti ta’ The Times ilhom għal aktar minn xahar jistaqsu lis-Segretarjat immexxi minn Galdes għall-informazzjoni dwar farms li jrabbu l-annimali għall-konsum mingħajr m’huma konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea u għaliex dawn għadhom ma ngħalqux.
Iżda filwaqt li l-mistoqsijiet dwar dan baqgħu bla tweġiba, ir-risposta li ngħatat il-ġurnalista f’email li rċeviet mingħand il-Kordinatur tal-Komunikazzjoni ta’ Roderick Galdes kienet li “kellimt lis-Sur Galdes, li qalli li jidher li l-ġurnal tiegħek qabel li jillimita stejjer bhal dawn u minflok jiffoka fuq il-lat pożittiv tas-settur”. Dan ifisser li minflok għadda l-informazzjoni mitluba, is-Segretarjat Parlamentari għamel pressjoni fuq il-gazzetta biex tirrapporta stejjer pozittivi, tant li saħanistra nforma lill-ġurnalista li kien se jgħaddilha kuntatt ta’ xi hadd li jmexxi kumpanija tal-agri-turiżmu ħalli tiggwidaha fuq stejjer pozittivi bhal dawn.
Madankollu, The Sunday Times għamlitha ċara li qatt ma daħlet f’xi ftehim ta’ dan it-tip, enfasizzat l-indipendenza tagħha u nsistiet li tingħata l-informazzjoni mitluba, li iżda baqgħet ma waslitx.
Dwar dan tkellmet ukoll id-Deputata Laburista Marlene Farrgia, li filwaqt li ppubblikat l-istorja ta’ The Sunday Times fuq il-profil tagħha fuq Facebook, appellat biex il-poplu jingħata l-verità meta jistaqsi għaliha. Diġà hu ħażin, kompliet Marlene Farrugia, li l-poplu jingħata nofs veritajiet, veritajiet mgħawwġa jew gideb, u li hawn min jipprova jinfluwenza direttament jew indirettament il-media indipendenti, aħseb u ara kemm hu aktar ħażin issa li ma nagħtux ċans lill-pubbliku jkun jaf il-verità.
Fuq Facebook, Marlene Farrugia kkummentat ukoll dwar storja oħra ppubblikata fl-istess gazzetta, li fiha ġie żvelat kemm qed jithallas Lou Bondi bħala Konsulent tal-Gvern għall-Festi Nazzjonali. Filwaqt li qalet li jekk dan qed jagħti lura lill-pajjiz il-valur ta’ dak li qed jitħallas, ma tara xejn ħażin, fakkret li l-Partit Laburista wiegħed li ma tistax taqbel miegħu imma tista’ taħdem miegħu. Madanakollu, imbagħad, fakkret li l-PL wiegħed ukoll li jeqred il-prekarjat, filwaqt li kompliet li din hi xi ħaġa urġenti ferm.
Dwar dan, il-backbencher tal-Gvern kitbet: “Immaġinaw x’qed iħossu dawk il-ħaddiema, ħafna minnhom nisa ommijiet, li jitbażwru u jġiegħluhon jixtru l-ixkupa, il-pala u l-uniformi biex jieħdu d-dar anqas minn €600 għal xahar xogħol … Dawn inwarrbuhom għax ma jgħajjtux?”, staqsiet Marlene Farrugia, li staqsiet ukoll fejn hu l-Partit, jew il-Moviment tal-Ħaddiema.
//= $special ?>