F’Dar Merħba Bik f’Hal Balzan kien inawgurat proġett ta’ rikreazzjoni biex issa t-tfal tar-residenti ta’ din id-dar, li tieħu ħsieb nisa li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika, għandhom gym kif ukoll bandli u faċilitajiet oħra fil-bitħa tar-residenza.
Dan il-proġett kien inawgurat mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u tbierek mill-Arcisqof ta’ Malta Pawlu Cremona.
F’diskors tal-okkażjoni l-President Coleiro Preca qalet li proġetti bħal dawn qed jgħinu lit-tfal tar-residenti ta’ din id-dar biex joħorgu mit-trawma li jkunu għaddew minnha.
Qalet li l-kreattivita ta’ proġett bħal dan tgħin biex mill-bidu ta’ ħajjithom, dawn it-tfal jittellgħu b’karattru sod u jkomplu jiżviluppaw. Għalhekk faħħret lil kull min jaħdem f’din id-dar għaliex b’faċilitajiet bħal dawn qed jiġi offrut servizz imprezzabbli.
Pamela Cuschieri, li tmexxi Dar Merħba Bik, spjegat kif dan il-progett hu ħolma għal din id-dar.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kelliema tal-Oppozizzjoni għad-djalogu soċjali u d-drittijiet ċivili Claudette Buttigieg kif ukoll numru ta’ persuni oħra li jaħdmu fil-qasam soċjali f’pajjiżna.
//= $special ?>
