Għawdex Lokali Qorti

Aġġornata: Jibda l-ġuri tar-raġel li darab żewġ persuni b’sikkina fil-Qorti ta’ Għawdex

Wara li qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina, Joseph Portelli, li kien mitfugħ minn tulu fl-art baqa’ jaqla’ daqqiet mingħand l-akkużat li wara li tkeċċa mill-Maġistrat mill-Awla tal-Qorti ta’ Għawdex, reġa’ daħal jiġri fid-direzzjoni tal-vittma u tah bis-sikkina, minkejja li diversi persuni ppruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni. Dan xehdu l-Ispettur Bernard Spiteri meta dalgħodu beda jixhed fil-ġuri ta’ Pasqualino Cefai, ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Michael Mallia. Cefai jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Portelli, ta’ 56 sena miż-Żebbuġ ukoll, fl-Awla tal-Qorti ta’ Għawdex.

Il-każ imur lura għas-6 ta’ Ġunju 2012, meta Cefai kien involut f’kawża ċivili kontra Portelli u kien urtat għall-fatt li l-Qorti ssekwestrat żewġ trakkijiet tiegħu biex jiġu likwidati u Portelli jitħallas il-flus dovuti. F’dik is-seduta, il-Maġistrat Josette Demicoli kienet keċċiet lil Cefai barra mill-Awla wara diversi interruzzjonijiet u li matulhom hedded ukoll lil Portelli. Ftit wara, Cefai reġa’ daħal u ħebb għal Portelli b’mus. Hu kkawżalu feriti serji b’14-il daqqa, tant li għal xi żmien kien anke fil-periklu li jitlef ħajtu, iżda b’xorti tajba qaleb għall-aħjar u rkupra mill-feriti li ġarrab.

L-akkuża tgħid li kien grazzi għall-invervent mediku f’waqtu u anke gġall-kura li ngħatat lil Portelli fl-Isptar, li dan salva. Għalhekk, Portelli ma tilifx ħajtu għal raġunijiet independenti u aċċidentali mir-rieda ta’ Cefai. Anke l-Avukat ta’ Portelli, li daħal bejn iż-żewġt irġiel biex iferraqhom, kien sofra xi feriti. L-Avukat Kevin Mompalao sofra feriti ta’ natura gravi f’idejh, filwaqt li fil-każ kien indarab ħafif ukoll il-Marixxall tal-Qorti ta’ Għawdex Mikielang Bajada, li iżda ma kellux għalfejn jiddaħħal l-Isptar għall-kura.

Għal Cefai qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella.