Knisja

Kappillan ġdid fil-Parroċċa Santu Wistin tal-Belt

Patri Deo Debono osa se jibda l-ħidma tiegħu bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt. Il-ħidma uffiċjali ta’ Patri Deo se tibda l-Ġimgħa li ġej bil-Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Pawlu Cremona fis-6pm. Iż-żewġ parrinijiet ta’ Patri Deo se jkunu l-Pirjol Provinċjali tal-Patri Agostinjani Patri Raymond Francalanza u l-Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Stanza fid-Djoċesi Maltija Mons Joseph Bajada, li hu ħabib personali ta’ Patri Deo.

Patri Deo hu iben Joseph u Mary neé Ciantar, għandu oħtu waħda (Lorna Schembri) u twieled il-Kalkara fit-8 ta’ April 1983. Hu beda l-formazzjoni tiegħu bħala student Agostinjan f’April 2000. Fl-2005 mar għas-sena tan-novizzjat f’Racine, fl-istat ta’ Chicago fl-Istati Uniti, u fl-2006 għamel l-ewwel professjoni tiegħu fi ħdan l-Ordni Agostinjan. Fl-2009 Patri Deo għamel l-Professjoni Solenni, filwaqt li f’Novembru tal-istess sena, Patri Deo ġie ordnat Djaknu mill-Arċisqof Cremona, li ordna wkoll lil Patri Deo bħala Saċerdot fit-23 ta’ Ġunju tal-2010.

Patri Deo ggradwa tliet darbiet fit-Teoloġija Mqaddsa, l-aħħar waħda b’Masters fit-Teoloġija Pastorali. Fl-2010, Patri Deo kien maħtur Viċi Rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin, f’kariga li baqa’ jwettaq sa April li għadda meta ġie mħabbar bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin u għalhekk waqaf mix-xogħol tiegħu fil-Kulleġġ biex ikun jista jagħti s-servizz fil-komunità Beltija.