Qorti

Kumpaniji ta’ bastimenti ordnati jħallsu €660,431 lill-bank, erba’ kumpaniji lokali u 22 baħri

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat żewġ bastimenti ta’ żewġ kumpaniji reġistrati l-Panama biex iħallsu s-somma ta’ €617,279 lill-bank u erba’ kumpaniji lokali li jissupplixxu ż-żjut kif ukoll €43,152 lil 22 baħri.

Waħda mill-kawżi saret minn l-Avukat Ann Fenech f’isem Macquire Bank Limited, Salvo Grima & Sons Limited, San Lucian Oil Company Limited, Island Bunker Oils Limited u Cassar Petroleum Services Limited kontra l-bastiment “A Ladybug”.

Il-bank talab li jitħallas is-somma ta’ €70,362 li ħareġ lil 12-il baħri li baqgħu ma tħallsux tax-xogħol li għamlu abbord il-bastiment proprjetà tal-kumpanija ‘A Ladybug Corporation’.

Il-baħrin spiċċaw ma kellhomx flus biex jirritornaw pajjiżhom u għalhekk il-bank ħareġ l-imsemmija somma kemm f’pagi kif ukoll fi spejjeż għall-vjaġġ lura. Mill-imsemmija somma, il-kumpanija ħallset ukoll €13,645 fil-kura medika li ngħata baħri li sofra minn puplesija.

Macquire Bank Limited ħareġ ukoll is-somma ta’ €123,435 lill-Awtorità għat-Trasport li kienu jikkonsistu f’€74,950 għall-ħlas biex il-bastiment ankra fil-pajjiż u €48,485 għall-provista ta’ ‘emergency bunker fuel’.

L-erba’ kumpaniji l-oħra wkoll talbu li bejniethom jitħallsu tal-fjuwil li ipprovdew lill-bastiment kif ukoll tal-ilma u l-provvisti li tawh. Salvo Grima & Sons talbet €17,178ġ San Lucian Oil Company talbet €268,362ġ Island Bunker Oils riedet €70,616 u Cassar Petroleum Services talbet €53,680.

Wara li fost oħrajn ikkunsidra li l-kumpanija baqgħet ma rreaġixxitx għat-talba tal-bank u l-erba’ kumpaniji, l-Imħallef Mark Chetcuti ordnalha biex tħallashom is-somom li talbuha.
Sadanittant, l-Imħallef Anthony Ellul ordna bastiment ieħor ta’ kumpanija oħra li taqa’ taħt korporazzjoni tal-istess sidien biex tagħti s-somma ta’ €43,152 lil 22 baħri talli dawn ma tħallsux ta’ xogħlhom.

Kien Paul Falzon, rappreżentant lokali tal-International Transport Workers’ Federation (ITWF), li beda proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-bastiment “B Ladybug”.

Huwa qal li t-22 membru tal-ekwipaġġ jikkonsistu fil-kaptan, uffiċjali u baħrin li kienu jaħdmu abbord il-vapur imsemmi li jiżen 72,408 tunellata, itajjar il-bandiera tal-Panama u huwa proprjetà tal-kumpanija B Ladybug Corporation.

Falzon kif minkerjja li l-kumpanija kienet miftehma mal-ekwipaġġ dwar ħlasijiet li kellhom jieħdu, ekwivalenti għal €43,152, u kienet mitluba biex tagħmel dan baqgħet ma ħallsithomx.

Wara li l-kumpanija baqgħet ma rrisponditx għat-talba fiż-żmien stipulat, l-Imħallef Anthony Ellul laqa’ it-talba tal-baħrin u ordna lill-bastiment jagħtihom is-somma mitluba.