“Ġejna ingannati u ddiskriminati”. Din kienet ir-reazzjoni iebsa tal-għalliema tal-MCAST f’Għawdex wara l-aħbar żvelata minn MaltaRightNow.com it-Tnejn li għadda, li l-Gvern Laburista għażel li minflok jibni Kampus ġdid tal-MCAST fil-gżira Għawdxija, jibdel l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem għal ċentru tal-MCAST.
Rappreżentanti tal-għalliema tal-MCAST li tkellmu magħna esprimew l-għadab tagħhom u qalu li jinsabu urtati għad-deċiżjoni mgħaġġla tal-Gvern minkejja t-taparsi konsultazzjoni mal-Ministru tal-Edukazzjoni. F’laqgħat li saru ma’ Evarist Bartolo ftit tal-ġimgħat ilu, l-għalliema għamlu t-talba biex f’Għawdex isir ċentru wieħed, f’post aktar ċentrali, akbar u modern, li jaqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-għalliema.
Iżda minkejja li l-Ministru Bartolo deher li qed juri solidarjetà mal-għalliema rigward l-ilmenti li ressqu, u minkejja li l-Prim Ministru Muscat innifsu, waqt attività politika f’Għawdex stess, iddikjara li se jinbena Kampus ġdid u ċentrali tal-MCAST, il-Gvern għażel biss li jitrasferixxi l-MCAST għall-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem. Dan urta sew lill-għalliema, għax il-post f’Għajnsielem hu assolutament mhux ċentali u għalhekk se joħloq skariġġ u tbatija għall-istudenti.
Barra minhekk, komplew jispjegaw l-għalliema li tkellmu magħna, il-post magħżul hu ferm iżgħar mill-postijiet eżistenti fix-Xagħra u x-Xewkija. Huma spjegaw ukoll li dan iċ-ċaqliq se jfisser li l-workshops u l-laboratorji tal-IT li saru fi żmien Gvern Nazzjonalista wara investiment ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn fondi Ewropej issa ma jistgħux ikunu utilizzati aktar.
L-għalliema qalu li huma rrabjati u urtati għax minkejja t-taparsi konsultazzjoni, il-Gvern ħa deċiżjoni totalment l-oppost ta’ dak li huma ġew imwegħda. L-istaff tal-MCAST f’Għawdex qed iħoss li l-Gvern qed jitratta lill-għalliema u l-istudenti Għawdxin bħala “tat-tieni klassi”, speċjalment meta wieħed iqabbel dak li ddeċieda l-Gvern Laburista f’Għawdex mal-investiment ta’ miljuni ta’ ewro li Gvern Nazzjonalista għamel fil-Kampus ġdid tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Dak proġett li hu verament ġdid, modern u attrezzat għall-esiġenzi tal-istudenti u l-għalliema, qalu l-ghalliema li tkellmu maghna.
Ħafna kienu qed jistennew li jinbena Kampus ġdid f’post verament ċentrali, idealment fir-Rabat jew fix-Xewkija, bid-decizjoni tal-Gvern qed twassal lil ħafna f’Għawdex biex jistaqsu jekk dan hux verament Gvern li Jisma’ jew Gvern li Jirrombla minn fuq in-nies. Huma qalu li jekk il-Gvern m’għandux pjan ta’ investiment f’Kampus ġdid għal Għawdex, kien ikun aħjar li kieku tħallew jaħdmu fejn kienu, minflok mhu se jispiċċaw f’sitwazzjoni agħar milli jinsabu fiha fil-preżent.
//= $special ?>