Lokali Parlament Saħħa

L-Oppożizzjoni tressaq Private Members Bill dwar ħajja sana u bl-iskop li jnaqqas l-obeżità

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet b’inizjattiva oħra permezz ta’ Private Members Bill ippreżentat lill-iSpeaker tal-Parlament. Dan l-Abbozz ta’ Liġi hu dwar ħajja sana bl-iskop li jnaqqas l-obeżità. Il-preżentazzjoni tal-Abbozz saret mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalisa għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco u mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, fil-preżenza tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.

L-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ddeskriva dak li qed tagħmel l-Oppożizzjoni bil-preżentazzjoni ta’ diversi Abbozzi ta’ Liġijiet bħala ħidma ta’ Oppożizzjoni ħajja li lejha l-poplu għandu jkun grat. Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco qal li dan hu Abbozz importanti għax jeffettwa s-saħħa tal-poplu. Jirriżulta li kull sena l-Gvern qed jonfoq madwar €19-il miljun f’kura għal mard reletat mal-obeżità u l-piż żejjed.

Dwar id-dettalji tal-Abbozz ta’ Liġi tkellem id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li hu responsabbli mill-qasam tal-isport u li spjega kif l-iskop ta’ dan l-att hu li jistabilixxi u jassigura relazzjoni inter-ministerjali u biex tul il-ħajja jaħdem favur edukazzjoni fiżika u dieti sani u bbilanċjati għat-tnaqqis tal-livell ta’ obeżità fost l-etajiet kollha.

L-Abbozz ta’ Liġi, li tħabbar mill-Kap tal-Oppożizzjoni fl-indirizz tiegħu waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport organizzata mill-PN, jaħseb għall-ħolqien ta’ Kunsill Konsultattiv dwar Stil ta’ Ħajja Sana, li jkun jinkludi lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, lid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi, lid-Direttur tal-Kunsilli Lokali, lill-Kunsill Malti għall-iSport u Uffiċjal Edukattiv fost l-oħrajn.

L-Abbozz jittratta wkoll l-istili ta’ ħajja sana għat-tfal b’korsijiet għall-ġenituri dwar stili ta’ ħajja sana u programmi ta’ eżerċizzji fiżiċi fl-iskejjel. Flimkien ma’ dan, l-Abbozz ta’ Liġi jipproponi wkoll lista komprensiva ta’ ikel li jista’ jinbiegħ fl-iskejjel u fiż-żoni tal-madwar qabel u wara li tispiċċa l-iskola. Provvedimenti oħra tal-Liġi jiffukaw fuq stili ta’ ħajja sana għall-adulti u l-anzjani, fejn qed issir enfażi fuq investiment mill-Kunsilli Lokali. Enfażi oħra tal-Abbozz hi dwar il-kontribut li l-Kunsilli Lokali jistgħu u għandhom jagħtu.

Qed ikun propost ukoll li kull Kunsill Lokali jiddedika persentaġġ definit minn qabel tan-nefqa annwali tiegħu ħalli jippromwovi l-isport u l-attività fiżika permezz tal-installazzjoni ta’ gyms f’postijiet fil-lokalitajiet. Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li hu diġà tkellem mas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagh u l-Isport Chris Agius, li esprima opinjoni favur il-proposta tal-Oppożizzjoni.