Qorti

Ordni lid-dwana biex jinqerdu 780 par ta’ żraben Lacoste mhux oriġinali

Il-Qorti Ċivili ordnat id-distruzzjoni ta’ 780 par żarbun Lacoste mhux oriġinali. Iż-żraben li huma sportivi kienu oriġinarjament destinati lejn kumpanija Alġerina, fejn il-Qorti deherilha wkoll li ġie mittiefes id-dritt ta’ propjeta’ ta’ ditta.

Fis-7 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-Kontrollur tad-Dwana informa lill-kumpanija Franċiża li kontejner ta’ 40 pied, li kien inħatt mill-bastiment MV Don Pasquale ma tħallix jidħol fis-suq u ma ġiex “released “ mid-dwana fuq suspett li kien qed iġorr oġġetti kkuppjati.

Dan kien fih 780 par żarbun li kellhom il-kelma Lacoste u l-emblema magħrufa tal-kukkudrill. Dawn kienu destinati lejn il-kumpanija Eurl Mesmada Import Export, ibbażata l-Alġerija.
Madankollu l-kumpanija “Marc Ancel, Lacoste’s Intellectual Property Manager” eżaminat iż-żraben u ġie kkonfermat li dawn kienu kkupjati u mhux tad-ditta.
Meta kien qed jidher f’isem il-kumpanija Lacoste S A, l-Avukat Louis Bianchi argumenta li kliem Lacoste u l-emblema tal-kukkudrill huma t-tnejn reġistrati f’Malta.

Huwa talab lill-Qorti Ċivili biex tordna id-distruzzjoni tal-merkanzija mhux oriġinali jew teħles minnha b’kull mod li tiżgura l-protezzjoni tal-kumpanija oriġinali.

Il-Qorti qablet li l-oġġetti ordnat kienu kollha mhux oriġinali u ordnat lill-Kontrollur tad-Dwana li jiddustrixxi l-oġġetti kollha fi żmien 90 jum mill-ġurnata tas-sentenza. L-ispiża qalet il-Qorti għandha tkun koperta mill-kumpanija Alġerina. L-istess kumpanija għandha wkoll tħallas għall-ispiża kollha li għandha x’taqsam ma’ spejjeż tad-dwana.

L-Avukat Louis Bianchi deher f’isem Lacoste S A, filwaqt li l-Avukat Joseph Ellis u l-Prokoratur Legali Alison Wadge irrappreżentaw lill-kumpanija Alġerina Eurl Mesmada Import Export.