Għawdex

Profili dwar Kittieba Għawdxin

Madwar sena ilu, il-Kav Joe M Attard kien tana l-ktieb tal-poeżiji tiegħu ‘L-Għanja tat-Tifkira’, ġabra ta’ madwar 150 poeżija dwar suġġetti varji, ħafna minnhom marbuta ma’ Għawdex fejn twieled, trabba u kiber il-kittieb. Dawn il-jiem huwa ħareġ il-pubblikazzjoni tiegħu dwar il-Kittieba Għawdxin li għexu matul dawn l-aħħar mitt sena. Dawn jidhru skont l-ordni tat-twelid flimkien ma’ taghrif dwar ħajjithom, ritratt tal-awturi u xi siltiet mix-xogħlijiet tagħhom. Għal dil-pubblikazzjoni daħal il-Klabb Kotba Maltin tal-Belt Valletta u Santa Venera, b’għajnuna siewja mill-Ministeru għal Għawdex, Bank of Valletta, Gozo Arts u Magro Group, waqt li l-A & M Printing tal-Qala stampa l-ktieb (260 paġna) li ghandu disinn tal-qoxra tas-saċerdot novell Dun Daniel Sultana mix-Xagħra u studju Kritiku tal-Professur Charles Briffa.

B’kollox Joe M Attard irnexxielu jikteb dwar erbgħa u ħamsin kittieb Għawdxi; jibda b’tagħrif dwar Monsinjur Arċidjaknu Luiġi Vella li twieled fis-17 ta’ Diċembru 1859 u jtemm is-sensiela tiegħu bil-kittieb żagħżugħ Pierre Mejlaq li twieled fl-20 ta’ Lulju 1982. Uħud minn dawn il-kittieba għadhom mimlija bl-għomor u kif jistqarr l-awtur innifsu, kien ta’ pjaċir għalih jiltaqa’ magħhom u jiddiskuti l-kitba tagħhom; dawn għadhom jgħanu lil-Letteratura tagħna bix-xogħlijiet varji tagħhom, waqt li oħrajn llum ħallewna u dwarhom kellu jfittex u jqalleb il-paġni ta’ diversi pubblikazzjonijiet biex seta’ jibni l-kitba tiegħu.

Bla dubju l-ġenerazzjoni li tiela’, żgur li ma tiftakarx bosta minn dawn il-kittieba u għalhekk l-awtur ħass li kellu jinkludi wkoll xbieha tal-kittieba u biex il-pubblikazzjoni ma tkunx biss narrazzjoni dwar il-ħajja tal-kittieba, huwa ssokta jżewwaq ukoll dawn il-kitbiet b’siltiet mix-xogħlijiet tagħhom.

Kif jistqarr Dr Charles Briffa fid-Daħla tal-ktieb, it-tema ewlenija ta’ din il-ħidma kollha stampata, hija n-natura umana. Mill-esperjenzi tal-bniedem fil-komunita’ tixref il-kultura li tikxef stat ta’ moħħ u mod ta’ ħajja. Meta wieħed jitkellem fuq nies oħra jkun qed joffri possibilitajiet biex il-ħajja umana tkun investigata x’aktarx fl-ambjent immedjat tagħha. Ta’ min jgħid li fl-isfera ta’ pajjiż sħiħ, l-Għawdxin isawru taqsima essenzjali ta’ dawn il-gżejjer biex jagħtu aspetti meħtieġa li jżidu mad-definizzjoni tal-kultura tan-nazzjon tagħna. Allura dan il-ktieb ta’ Joe M Attard qiegħed juri ftit minn dawn l-aspetti f’dak li ghandu x’jaqsam mal-ħajja letterarja; fil-viżjoni tiegħu l-letteratura tinkludi poeżija, proża, rumanz, novella, folklor, storja, drammi, xandir u ġurnaliżmu.

Dawn il-kitbiet fuq kittieba letterarji Għawdxin huma parti minn ħidma edukattiva ta’ rispett li għandu jkollna għal niesna li taw kontribut għall-ilsien Malti. Huma kitbiet li għandhom jixprunaw lil xi qarrejja biex ifittxu iktar fuq xi wħud minn dawn il-kittieba letterarji. Għalhekk dan il-ktieb għandu jħajjar lill-qarrejja għal iktar esplorazzjoni u għal proċess ta’ għarfien aktar fil-fond biex jifhmu d-diversita’ għanja mhux biss tal-letteratura imma tal-ħajja umana nnifisha. Huwa ktieb ieħor biex nagħrfu lilna nfusna.

Bla ebda dubju, it-terminu kittieba Għawdxin jimplika li l-kittieba huma minn Għawdex imma ma jimplikax bilfors li kitbu fuq xi aspett Għawdxi. Jiġifieri fost il-kitbiet tagħhom nsibu dawk li jittrattaw temi Għawdxin u dawk li jaħdmu fuq materjal ieħor. Ngħidu aħna ħafna mil-lingwistika ta’ Guże’ Aquilina u Ninu Cremona hija ħidma li tikkonċerna lil kulħadd fuq dawn il-gżejjer nazzjonali, jiġifieri ta’ siwi għan-nazzjon Malti kollu. Imma nsibu wkoll riċerka li tiffoka fuq Għawdex bħall-istudji toponomastiċi ta’ Joe Żammit Ċiantar, il-folklor ta’ Anton F. Attard u l-leġġendi ta’ Gorġ Pisani. Attard jinqeda bi stil personali biex jagħtina proża li għalkemm hija suġġestiva, hija wkoll informattiva u espożitorja u għandha livell semantiku li jħaddem suġġestivita’ attiva ħafna li biha jiġbdilna l-attenzjoni tagħna u jixħitha fuq is-suġġett. Għaldaqstant f’dawn il-kitbiet jingħata frak bijografiku u kultant jinfetħu xi twieqi aneddotali filwaqt li kif għidna iktar ‘l fuq, l-awtur jislet xi ħsebijiet mill-kitbiet ta’ dawn il-persunaġġi. B’hekk jitbexxqilna l-bieb fuq is-suġġetti li huma l-persunaġġi b’interess fil-Letteratura u Attard jipprova jispjega kemmxejn mill-impatt ta’ dawn il-persunaġġi fuq il-komunita’ letterarja. Il-kitba mela, hija impressjonistika għax toħroġ mill-impressjoni li Joe Attard għandu ta’ kull persunaġġ – haġa naturali għax meta tikteb fuq xi ħadd ġeneralment tkun parzjali u interpretattiv.

Dr Briffa jistqarr li l-lingwa u l-kultura huma inseparabbli minn xulxin, u minkejja li l-ktieb li għandna f’idejna jitkellem fuq ‘kittieba Għawdxin’, dan ma jfissirx li hemm xi letteratura reġjonali li tinqata’ mill-kultura lokali għax ukoll dawn il-kittieba Għawdxin jirriflettu xi ħaġa li hija nazzjonali fil-karattru tagħha. Il-kitba minn Għawdex tkattar l-identita’ nazzjonali għax iżżid aspetti oħra fl-għarfien nazzjonali b’lingwa li jitkellimha kulħadd fil- gzejjer Maltin. B’mod naturali, f’dawn il-gżejjer il-kitba Għawdxija tintegra ruħha fil-letteratura Maltija bħalma jiġri b’kull kitba minn kull distrett ieħor ta’ Malta.

Min forsi għadu ma qarax bizzejjed dwar il-Kittieba Għawdxin li għexu matul dawn l-aħħar mitt sena, bħal Ninu Cremona, Gorġ Pisani, Anton Buttiġieġ, il-Kapuċċin Patri Giaċintu Camenżuli, il-Ġiżwita Patri Ġużeppi Mejlak li kien beda jaħdem fuq diżżjunarju Malti maħdum bl-irqaqat kollha għal dawk li huma frażijiet u kliem tekniku, iżda li minħabba saħħtu u wara mewtu, ma kienx irnexxielu jwassal sat-tmiem, Monsinjur Gużeppi Farruġia Goioso li kien il-ħames Bibblijotekarju tal-Librerija Pubblika ta’ Għawdex u li qaleb mit-Taljan għall-Malti l-Istorja t’Għawdex f’żewġ volumi miktuba mill-Kanonku Gann Piet Agius de Soldanis, l-Avukat Gużeppi Micallef, Laurent Ropa li qatta’ għomru fi Franza u li tiegħu għandna Bust fil-Villa Rundle, Monsinjur Arċidjaknu Pawlu Cauchi, u ruxxmata kittieba oħra, issa għandu l-okkażjoni li jsir jaf iktar dwarhom u jaqra wkoll xi ħaġa mix-xogħlijiet tagħhom.

Profili ta’ Kittieba Għawdxin jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-KKM fil-Belt u f’Santa Venera kif ukoll mill-ħwiewnet ewlenin tal-kotba u jinbiegħ €12.50c.