Lokali

Tħawlu siġar fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ambjent 2014

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ambjent 2014 li ġie ċċelebrat madwar id-dinja fil-5 ta’ Ġunju, fuq inizjattiva tal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Izvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Charlo Bonnici, it-Tnejn filgħodu tħawlu siġar fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard mid-deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista li ġew eletti mill-11-il distrett fl-aħħar elezzjoni.

Id-Deputat Charlo’ Bonnici kien akkumpanjat mid-deputati David Agius u Joe Cassar li ħawlu wkoll sigra oħra f’isem il-Kap tal-Oppozizzjoni u tal-PN Simon Busuttil li wkoll ġie elett mill-istess distrett. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm fost oħrajn il-Kap tal-Iskola, Anthony Spiteri.

Din l-inizjattiva kellha l-origini tagħha fl-edizzjoni ta’ Eko-Parlament tas-sena l-oħra meta Charlo’ Bonnici kien semma li għandha tittieħed din l-inizjattiva bħala tpattija għall-użu tal-karti mill-politiċi fil-kampanji elettorali.

Kien għalhekk li ngħaqdu flimkien id-deputati tal-Partit Nazzjonalista fuq dan id-distrett biex isir dan il-gest favur l-ambjent. Bonniċi qal li jittama li dan il-gest jiġi ripetut fi skejjel oħra fiż-żmien li ġej.

Minbarra din l-attivita’, fil-ġranet li għaddew, il-Kelliem tal-Oppozizzjoni dwar l-Ambjent ha sehem ukoll f’attivitajiet oħra li jfakkru Jum l-Ambjent. Bonnici zar attivita’ organizzata mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar li fiha ġie ffirmat ftehim dwar il-promozzjoni tal-użu tar-rota minflok il-karozza fin-Naxxar kif ukoll żar edizzjoni oħra ta’ Earth Garden li saret fi tmiem il-ġimgħa f’Ta’ Qali.