Qorti

Transport Malta ordnata tħallas €5,214 wara li karozza inqalbet kaġun ta’ ħofra

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, ordnat lil Transport Malta tħallas is-somma ta’ €5,214 wara li nstabet responsabbli għal inċident ikraħ tat-traffiku, li fih karozza laqtet ħofra li kien hemm fi triq fin-Naxxar, bil-konsegwenza li nqalbet. Dan seħħ fit-12 ta’ Awwissu 2010 fi Triq li minn T’Alla w Ommu twasslek għal Triq il-Kosta. Il-kawża kienet saret ukoll kontra l-Kunsill Lokali tan-Naxxar, li iżda rriżulta li ma kellhomx x’jaqsmu mal-każ.

Il-karozza, tat-tip Toyota Vitz, kienet qed tinstaq minn Edward Portelli. B’konsgwenza tad-daqqa, il-karozza spiċċat f’għalqa u ġarrbet ħsarat kbar. Eventwalment, il-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-karozza ta’ Portelli, Gasan Mamo, fetħet proċeduri kontra l-Kunsill Lokali tan-Naxxar u l-Awtorità għat-Trasport, filwaqt li żammithom responsabbli għad-danni kollha li sofriet.

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar u l-Awtorità għat-Trasport qalu li ma kienux responsabbli għall-manutenzjoni tat-triq. Il-Kunsill Lokali kien qal li wara li kienet saret manutenzjoni fit-triq, Transport Malta kienet ħadet f’idejha r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tat-triq, filwaqt li l-Kunsill Lokali kien ippreżenta wkoll korrispondenza biex tipprova dan l-argument.

Transport Malta qalet li kienet responsabbli għal toroq arterjali u toroq distributorji. Qalet li din it-triq ma taqax taħt dawn iż-żewġ kategoriji ta’ toroq, skont il-lista tat-toroq maħruġa mill-MEPA fl-1999. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati qalet li t-triq inkwistjoni kienet magħquda ma’ żewġ toroq arterjali u, skont il-lista tal-MEPA, kienet taqa’ fil-kategorija tat-toroq distributorji.

Barra minhekk, irriżulta li kienet Transport Malta li kienet ħadet ħsieb tagħmel il-manutenzjoni. Fl-istess waqt, il-Qorti kkunsidrat ix-xhieda li taw resident u Uffiċjal tal-Pulizija, li sostnew li Portelli ma kienx qed isuq b’veloċità eċċessiva meta seħħ l-inċident. Kien għalhekk li l-Qorti sabet lil Transport Malta responsabbli u ordnatilha tħallas id-danni msemmija.