Żewġt irġiel li nqabdu bi 18kg reżina tal-kannabis fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu ammettew l-akkużi ta’ traffikar ta’ droga quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale u mistennija jgħaddu ġuri fil-futur. Keith Barbara, ta’ 30 sena mill-Birgu, sid il-lanċa tas-sajd “Madonna taż-Żejt” u sajjied, flimkien ma’ Silvio Apap, ta’ 37 sena mix-Xgħajra, li qal li jaħdem fil-Kostruzzjoni, ġew mixlijin li matul dan ix-xahar assoċjaw ruħhom ma’ persuna jew persuni biex ibiegħu d-droga kannabis.
Huma ġew mixlijin ukoll li mportaw din id-droga u li kienet fil-pusses tagħhom. Ġew mixlijin ukoll li d-droga nstabet f’ċirkostanzi li turi li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom. Kienu l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti minn dawk tal-RIU, li għamlu rejd fuq lanċa tas-sajd li kienet għadha kif daħlet lura fil-Port ta’ Marsaxlokk. B’konessjoni ma’ din is-sejba, il-Pulizija arrestat liż-żewġt irġiel Maltin. Il-Maġistrat tal-għassa kien ġie nfurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti biex jassistuħ fl-inkjesta.
Il-Prosekuzzjoni ppreżentat il-provi tagħha lill-Maġistrat Depasquale u nfurmatu wkoll li l-lanċa tas-sajd diġà tinsab miżmuma mill-Pulizija f’Ta’ Kandja, filwaqt li ġiet sekwestrata wkoll karozza tat-tip Peugeot Partner, propjetà ta’ Keith Barbarba. Il-Qorti tal-Maġistrat infurmat lill-partijiet li ma tistax tipproċedi aktar minħabba li dan il-każ iġorr miegħu piena ta’ aktar minn 10 snin ħabs, li l-Qorti tal-Maġistrati ma tistax tesegwixxi.
Sadanittant, il-Qorti laqgħet talba tal-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Gabriel Micallef, biex jiġu sekwestrati l-oġġetti mobbli u mmobbli propjetà ta’ Barbara u Apap u li tipprojbixxi lill-irġiel inkwistjoni milli jitrasferixxu jew jiddisponu minn xi propjetà jew assi. Il-Qorti laqgħet ukoll talba tad-Difiża biex benefiċċji soċjali skont it-terminu tal-Liġi jibqgħu jinħarġu favur il-qraba ta’ Barbara u Apap.
Għal Barbara deher l-Avukat Arthur Azzopardi, filwaqt li l-Avukat Mario Spiteri deher għal Apap.
//= $special ?>

