Aħna l-Maltin, bħala wieħed mill-aktar popli smien tad-dinja, bi tfal li għandhom ir-rekord tal-ħxuna fid-dinja, hu ovvju li qed inbatu mill-abbundanza tal-ikel, minn ikel li mhux nutrittiv daqs kemm għandu jkun, u minn nuqqas ta’ attivitá fiżika. Stħarriġiet waħda wara l-oħra juru dan u jpoġġuna fl-aħħar post fl-Unjoni Ewropea u anke fost tal-aħħar fid-dinja.
U din mhix problema politika imma hi problema nazzjonali li jeħtieġ azzjoni fuqha. Għax – barra milli hi problema personali għal dawk li jbatu minn simna żejda u minn nuqqas ta’ eżerċizzju – tpoġġi wkoll piż kbir fuq l-ekonomija tal-pajjiż, fuq il-ħajja soċjali u fuq is-servizzi tas-saħħa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar nhar is-Sibt, u lbieraħ l-Oppożizzjoni ressqet, abbozz ta’ liġi biex issir ħidma integrata fuq ħafna livelli u f’oqsma differenti kontra din il-problema. U dan l-abbozz ta’ liġi m’hemmx dubju li jsib ukoll appoġġ wiesa’, anke min-naħa tal-Gvern, biex il-pajjiż jibda jindirizza din il-problema b’mod aktar integrat u effettiv.
L-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Partit Nazzjonalista hu ċar li tfassal wara ħsieb u pariri ta’ esperti f’dan il-qasam. Jaħseb biex jitwaqqaf kunsill li jġib flimkien oqsma differenti tal-Istat – is-servizzi tas-saħħa, il-qasam tal-iskejjel, il-kunsilli lokali, is-servizzi soċjali, il-qasam tal-kummerċ, is-settur tal-isport, il-kura tat-tfal u tal-anzjani, il-professjonisti fin-nutrizzjoni, u taqsimiet oħrajn – biex jaħdmu flimkien ħalli jindirizzaw problema li kulħadd jaf li għandna fuq bażi personali u li issa jeħtieġ tkun indirizzata wkoll fuq livell kollettiv nazzjonali u b’mod integrat fost ħafna oqsma.
L-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni jaħseb fil-fatt għal ħidma li trid issir ma’ ħafna nies: ma’ dawk li jkunu se jsiru ġenituri, mal-istudenti fl-iskejjel kollha, mal-għalliema, fl-iskejjel permezz ta’ attività fiżika regolari għall-istudenti kollha, fl-iskejjel ukoll permezz tal-ikel ikkunsmat fihom, fil-lokalitajiet għar-residenti kollha, u mal-anzjani fir-residenzi tagħhom pubbliċi u privati.
Din hi inizjattiva importanti tal-Oppożizzjoni u li jeħtieġ tgawdi appoġġ wiesa’. Is-simna żejda u n-nuqqas ta’ attività fiżika rridu narawhom minn żewġ lati: in-naħa negattiva tal-mard li jikkawżaw u li jitfa’ piż kbir fuq eluf ta’ morda, fuq dawk li jieħdu ħsiebhom, fuq l-ekonomija tagħna u fuq is-servizzi tas-saħħa u tal-anzjani; u rridu narawhom ukoll min-naħa pożittiva ta’ kemm tkun aqwa l-ħajja personali tagħna, l-ekonomija ta’ pajjiżna u l-ħajja soċjali meta ngħixu b’saħħitna f’kull età.