Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Filmat: Rata negattiva ta’ mgħax għal depożiti mill-banek fil-Bank Ċentrali Ewropew

Għall-ewwel darba fl-istorja, b’seħħ minn għada l-Erbgħa, 11 ta’ Ġunju, ir-rata tal-imgħax tal-faċilità tad-depożiti mill-banek fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se tonqos b’10 punti bażi għal -0.10%. Dan ifisser li l-banek li jiddepożitaw il-flus fil-BĊE, minflok jitħallsu l-imgħax tagħhom, se jkollhom iħallsu huma talli flushom qed jinżammu fil-BĊE. L-iskop ta’ din il-miżura hu li jinkoraġixxi lil banek isellfu aktar lin-negozji u biex ikun hemm stabbiltà fil-prezzijiet, li hi meħtieġa biex ikun hemm tkabbir sostenibbli fiż-Żona Ewro.

F’kummenti lil MaltaRightNow.com dwar din id-deċiżjoni, il-Konsulent Finanzjarju Jesmond Mizzi qal li hu mportanti li wieħed jara kif se jirreaġixxu l-banek kummerċjali għal din id-deċiżjoni. Hu spjega li l-idea hi li minflok iħallu l-flus reqdin fil-BĊE, il-banek isellfu aktar flus lin-negozji u lin-nies ħalli jistimulaw aktar l-ekonomija. Jesmond Mizzi qal li din hi miżura ġdida mill-BĊE u wieħed irid jara x’impatt se tħalli.

Jesmond Mizzi qal li din il-miżura hi maħsuba biss għall-banek u mhux għall-pubbliku li jiddepożita l-flus fil-banek. Iżda jekk il-banek għal min se jsellef se jnaqqsulu r-rata, minħabba li meta l-BĊE jnaqqas ir-rata l-intenzjoni tkun li l-banek isellfu b’rata anqas, jista’ jkun li r-rati fuq id-depożiti jonqsu.

Ħadna wkoll il-kummenti tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Tonio Fenech, li qal li b’din il-miżura l-BĊE qed jgħid lill-banek kummerċjali li jekk se jpoġġu flus għandu, minflok iħallashom l-interessi, ikollhom iħallsu huma. Dan se jfisser li l-ispejjeż għall-banek se jiżdiedu. Tonio Fenech spjega wkoll li xi banek jistgħu inaqqsu r-rata tad-depożiti minħabba din il-miżura għax ma jkollhomx bżonn dik il-likwidità kollha li tiswihom il-flus. Dan għax bank li jkollu ħafna likwidità u ma jkollux fejn jinvestiha, qabel kienu jpoġġuha fil-BĊE u almenu kienu jieħdu xi ħaġa lura, iżda issa se jkollhom iħallsuh huma biex jiddepożitaw fil-BĊE.

Tonio Fenech spjega li l-iskop wara din id-deċiżjoni tal-BĊE hu li l-Bank iħajjarhom ħalli l-flus li l-banek ikollhom f’idejhom, ma jżommuhomx għandhom iżda jinvestuhom billi jsellfu u ma jħallux flus reqdin.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-BĊE Mario Draghi kkonferma li l-aspettattiva tat-tkabbir ekonomiku tal-Prodott Gross Domestiku għat-18-il pajjiż taż-Żona Ewro fl-2014 niżel għal 1%. Kien għalhekk li l-BĊE qed jieħu dawn il-miżuri ħalli jistimula t-tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewro.