Lokali

Il-funeral ta’ Darren Degabriele għadu ma jistax isir għax il-katavru għadu mhux rilaxxat

Il-familja ta’ Darren Degabriele għadha qed tistenna li jiġi rilaxxat il-katavru tal-qarib tagħhom biex ikun jista’ jsir il-Funeral. Dan wara li fl-aħħar 24 siegħa komplew it-testijiet forensiċi u tossikoloġiċi bħala parti mill-investigazzjoni li qed titmexxa mill-Pulizija, f’każ li qed ikun meqjus bħala delitt premeditat u li kien ilu żmien jiġi ppjanat.

L-investigazzjonijiet qed jikkonċentraw fuq kif seħħet l-isplużjoni li wasslet għall-mewt ta’ Degabriele, il-mod kif ħadet il-bomba li kienet mal-qiegħ tal-karozza, meta tpoġġiet il-bomba mal-karozza, minn min tpoġġiet, fejn tpoġġiet u anke jekk kienx hemm aktar minn persuna waħda nvoluta.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com, jidher li fl-aħħar jumejn il-Pulizija kompliet tanalizza anke filmati li kisbet minn diversi cameras tas-sigurtà li hemm installati f’żoni li kien jiffrekwenta Degabriele u anke man-negozju tiegħu. Hu mifhum li dawn il-filmati jistgħu jitfgħu dawl ġdid fuq dan il-każ delikat.

Minkejja dan, jidher li l-investigaturi għad m’għandhom xejn konkret f’idejhom. Hu għalhekk li sa dalgħodu, il-Qorti kienet għadha ma rrilaxxatx il-katavru ta’ Darren Degabriele u għalhekk il-Funeral għadu ma jistax isir. Degabriele miet il-Ġimgħa li għadda, ħamest ijiem wara l-attentat fuq ħajtu f’Marsaxlokk.