Lokali

Il-Kelliem għall-Gvern jibqa’ jevita milli jwieġeb mistoqsijiet dwar jekk Zeida kienx qed jgħix f’Malta

Il-Kelliem għall-Gvern Carmelo Abela, fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet fir-rwol ġdid li nħatar fih wara r-Reshuffle tal-Kabinett, evita milli jwieġeb mistoqsijiet diretti mill-ġurnalisti dwar ir-rapporti li l-eks Prim Ministru Libjan Ali Zeidan kien qed jgħix f’Malta. F’Kastilja, hu reġa’ rrepeta dak li ntqal mill-Gvern il-Ħadd li għadda, jiġifieri li r-raġel li kien residenti f’appartament fix-Xemxija taħt għassa stretta ma kienx Zeidan.

Carmelo Abela żied biss li ma jistax jagħti aktar dettalji minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali għax, skont hu, din hi l-istess prassi li kienet titħaddem minn gvernijiet preċedenti f’każi bħal dawn. Il-konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza Abela ssejħet wara l-laqgħa tal-Kabinett ta’ dalgħodu, li matulha kienet approvata Politika Nazzjonali dwar il-Ħolqien tax-Xogħol. Din il-politika tkopri inizjattivi biex ikun indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Il-Kelliem tal-Gvern ħabbar ukoll li nxtrat propjetà f’Sao Paolo, fil-Brażil, biex isservi bħala Konsolat ta’ Malta. Hu qal li l-parti l-kbira tal-finanzjament għal din il-propjetà se tkun minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Spjega wkoll kif il-Kabinett approva proposta biex tinħoloq aġenzija nazzjonali għall-promozzjoni tal-litteriżmu, filwaqt li qabel ukoll li jitħejja Abbozz ta’ Liġi dwar pieni iżjed ħorox kontra min iwettaq vjolenza fuq l-anzjani.

Carmelo Abela qal li kien approvat ukoll it-trasferiment ta’ tliet artijiet tal-Gvern għal għand tliet entitajiet differenti: tnejn minnhom f’Ta’ Dbieġi u fix-Xewkija Għawdex. Dawn ġew trasferiti għand il-Malta Industrial Parks u għand kumpanija li tiżviluppa s-software, rispettivament. It-tielet art ingħatat lil kumpanija stabbilita tal-farmaċewtika biex isir xogħol ta’ espansjoni fuqha. Il-Kelliem tal-Gvern fisser ukoll kif il-laqgħa tal-Kabinett tal-1 ta’ Lulju se ssir f’Għawdex u żied li malli l-Parlament imur fil-bini l-ġdid, il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt se jintuża’ għall-Presidenza tal-UE.

(Ritratt: Arkivji / DOI)