Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’mod pożittiv l-aħbar li l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’rata aktar mgħaġġla meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dan jawgura tajjeb u joffri tama lill-kważi 8,000 persuna li jinsabu mingħajr xogħol f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa pożittiv li bosta setturi fl-ekonomija ta’ pajjiżna, speċjalment fil-qasam tas-servizzi bħat-turiżmu u t-teknoloġija tal-informatika, li kibru u ħadmu eluf ta’ persuni fl-a]ħar snin, komplew jiżviluppaw fit-triq it-tajba li kienu fiha matul l-aħħar snin.
Madanakollu, l-Partit Nazzjonalista nnota bi tħassib li parti sostanzjali mit-tkabbir ekonomiku reġgħet ġejja mis-settur pubbliku, li kkontribbwixxa għal kważi terz taż-żieda. U għall-kuntrarju ta’ dan, kien hemm tnaqqis f’setturi importanti, fosthom fis-servizzi finanzjarji u l-manifattura, li bejniethom iħaddmu eluf ta’ ħaddiema.
Fl-istqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li dan jikkonferma li l-politika tal-Gvern hija li jostor il-problema dejjem tikber tal-qgħad, billi jżid in-numru ta’ nies maċ-Ċivil. Xi ħaga li tkompli titfa’ dubji fuq il-ħila tal-Gvern li jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu, kif anke ġie kkonfermat mid-deċiżjoni ricenti tal-Kummissjoni Ewropea li tibqa’ twissi lill-Gvern fuq il-finanzi ta’ pajjiżna, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>
