Lokali

Il-UĦM twissi b’direttivi għall-ħaddiema fil-Malta Public Transport Services

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) wissiet li qed tħejji direttivi għall-membri tagħha ħaddiema fil-Malta Public Transport Services. Fost id-direttivi hemm li mit-Tlieta li ġej il-membri tagħha ma jaħdmux bejn is-7am u d-9am, kif ukoll bejn l-4pm u s-6pm.

Dan qed isir, fost l-oħrajn, għax minkejja li kważi l-ħaddiema kollha tal-kumpanija issa ssieħbu bi ħġarhom fi ħdanha, il-UĦM qed tisħaq li għandha tkun mal-mejda fin-negozjati dwar il-ħinijiet għall-iskeda tas-Sajf, li għandha tidħol fis-seħħ dalwaqt.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li bagħtet ittra lill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Public Transport Services Konrad Pulé, li fiha nsistiet li sa mhux aktar tard mit-Tnejn li ġej, il-kumpanija tagħmel talba formali lir-Reġistratur tat-Trejdunions ħalli ssir il-verifika meħtieġa u l-UĦM tiġi rikonoxxuta bħala l-union ewlenija fil-kumpanija tat-trasport pubbliku.

Il-UĦM qalet ukoll li ma teskludix li teskala d-diretivi tagħha jekk il-kumpanija tal-Gvern ma tonorox l-obbligi tagħha kif mitlub mil-Liġi.