Meta kompla l-ġuri ta’ Pasqualino Cefai, ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex, mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, ukoll miż-Żebbuġ Għawdex, xehed il-vittma u l-Avukat tiegħu, li rrakkontaw kif l-akkużat beda jagħti bil-ponn li fih kien hemm arma u beda jsawwat bla ħniena lil Portelli tant li kkaġunalu diversi feriti.
Il-vittma qal li kull ma għamel kien biss li ddefenda lilu nniffsu mill-aggressjoni, filwaqt li l-Avukat ta’ Portelli, Kevin Mompalao, qal li għalih il-klijent tiegħu kien mejjet fl-awla. Meta ra li l-arma mdaħħla f’Portelli, kien konvint li l-klijent tiegħu kien miet. “Iżda seħħ miraklu u baqa’ ħaj”, stqarr l-Avukat Mompalao. Kemm il-vittma kif ukoll l-Avukat tiegħu qalu li Portelli lanqas biss qal kelma waqt l-aggressjoni kollha, qagħad biss jiddefendi d-daqqiet, li baqgħu sejrin anke meta Portelli kien mal-art.
Il-każ kien seħħ f’Awla tal-Qorti ta’ Għawdex, fejn allegatament Cefai ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli. Cefai qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, fejn minbarra dik ta’ attentat ta’ qtil hemm ukoll akkużi ta’ feriti gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, feriti ħfief fuq il-Marixxall Michelangelo Bajada, li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr għan leġittimu u arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Fis-6 ta’ Ġunju 2012, għall-ħabta ta’ 12pm, kienet qed tinstema’ f’waħda mill-Awli tal-Qorti ta’ Għawdex kawża ċivili bejn Cefai u Portelli, quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli. F’ħin minnhom, il-Maġistrat Demicoli kienet ordnat lil Cefai joħroġ mill-Awla minħabba l-atteġġjament ostili tiegħu. Ftit tal-ħin wara, allegatament Cefai reġa’ daħal fl-Awla u ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli. Waqt din il-kommossjoni, kien sofra wkoll diversi feriti f’idejh l-Avukat Kevin Mampalo mix-Xewkija, li allegatament ipprova jiddefendi lill-klijent tiegħu.
Portelli kompla jgħid li dakinhar kellu seduta fuq Rikors li kien għamel l-akkużat minħabba €12,000 li Cefai kellu jagħtih wara ordni tal-Qorti. Sa dakinhar tal-inċident kien għadu ma tah xejn u għalhekk ir-Rikors min-naħa ta’ Cefai kien li ma riedux iħallsu dan l-ammont. Waqt li l-Avukati kienu qed jiddiskutu, Cefai beda jgħid kliem li ma bediex jinftiehem, iżda f’ħin minnhom qal li “din mhux se tieqaf hawn”. Għaldaqstant, il-Maġistrat tefgħetu ‘l barra mill-Awla u ftit tas-sekondi wara Cefai reġa’ daħal fl-Awla u qabad jagħti lil Portelli. Il-vittma qal li ma rax lil Cefai dieħel għax il-bieb kien warajh u hu kien qed iħares lejn il-Maġistrat.
Tenna li sema’ l-bieb jinfetaħ iżda ma tax każ. Qal li ħdejh kien hemm l-Avukat tiegħu. F’ħin minnhom, Mompalao għamel mossa u hu nħasad qabel ma f’daqqa waħda ra lil Cefai li mar fuq u beda jagħtih fuq rasu u għonqu. Qal li sa n-nerv ta’ jdejh spiċċa maqtugħ u hu beda’ jilqa’ b’idejh. Portelli kompla li baqa’ jsawwtu sakemm ma felaħx aktar u hu waqa’ fl-art, iżda xorta kompla jagħtih u għamillu xi tliet toqob f’ġembejh u l-madwar, fosthom fil-pulmun u oħra li barrxitlu l-kilwa. Qal li beda jħoss daqqiet bil-ponn qawwija u b’xi ħaġa li kienet qed taqta’, iżda ma kienx jaf x’kellu f’idejh. Jiftakar biss li kien mal-art jgħajjat bl-uġiegħ.
Filwaqt li qal li jikkalkula li qala’ bejn 15 u 17-il daqqa, qal li fuq idu x-xellugija għandu l-ewwel subgħa kważi maqtugħ u llum ma jiffunzjonax. F’idu l-leminija għandu nerv maqtuħ u f’partijiet minnha ma jħoss xejn. Sadanittant, kif Cefai telaq, sab ruħu waħdu fl-Awla u mar ħdejh l-Avukat ta’ Cefai biex jgħamillu kuraġġ u jgħidlu li kienet ġejja l-Ambulanza. Ftit wara din ġiet u ħaduh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, intilef minn sensieh u maġenbu ra Qassis. Wara qal li ħaduh bil-ħelikopter lejn l-Isptar Mater Dei u hemm dam għal kura għal madwar 15-il ġurnata. Hu kompla jgħid li jiftakar li kien mar jarah il-Maġistrat Paul Coppini.
Waqt il-kontro-eżami, qal li ma jiftakarx fi xħin mar il-Qorti, iżda jaf li s-seduta kienet f’12pm u normalment ikun hemm xi 10 minuti qabel il-kawża. Ma jiftakarx fejn kien qagħad fl-Awla iżda jiftakar li Cefai ma kienx kellmu u lanqas hu ma kellmu. Il-kawża kienet fuq xi vannijiet li kienet taħdem bihom il-mara. Qal li ma jiftakarx li qallu li “se toqtolli l-mara u t-tfal bil-ġuħ”.
Wara ssejjaħ biex jixhed l-Avukat Kevin Mompalao. Qal li hu kien avukat ta’ Portelli u kien hemm każ fuq kawża li nqatgħet xi sena u nofs qabel. Kien rebaħ flus mingħand Cefai u sar mandat mill-klijent tiegħu. Cefai kien għamel Rikors biex dawn iż-żewġ vetturi ma jagħmlux tajjeb għal dan id-dejn minħabba li vettura minnhom kienet qed tintuża’ minn martu bħala hawker. Is-seduta kienet quddiem il-Maġistrat Josette Demicolo fl-Awla “B”, li f’Għawdex isejjħulha bħala l-Awla ż-Żgħira. Wara li spjega dak li seħħ fil-kawża u kif Cefai qal lill-vittma li “din mhux se tieqaf hawn”, Mompalao qal li l-Maġistrat iddeċidiet li ma tagħtix Digriet fuq il-każ u bdiet tfittex fid-Djarju biex tiddiferixxi l-każ għal data oħra meta kienet se tagħti deċiżjoni.
Ix-xhud qal li ħass it-tisbita tal-bieb jinfetaħ, ra lil Cefai dieħel u qal lil Portelli li “int trid toqtolli lill-familja bil-ġuħ? Int? Int?”. Qal li ħaseb li qed jagħti bil-ponn u għall-ewwel ma ndunax x’kellu f’idu. Qal li mbagħad ra xafra ta’ l-istainless steel twila madwar tliet pulzieri. Portelli ma qal xejn u l-vittma tefa’ jdejh wara rasu u miel fuq il-pedana. “Ksaħt u ċċassajt. F’aktar minn okkażjoni waħda rajt ix-xafra f’Portelli”, qal ix-xhud, li ddeskriva lil Portelli li beda jixxengel qisu se jaqa’ u jaqax. Ix-xhud kompla li għamel idejh ma wiċċu biex jipproteġi lilu nnifsu, filwaqt li Portelli spiċċa mal-art b’Cefai niżel għal fuqu u baqa’ jagħtih f’rasu u f’dahru. F’ħin minnhom, Cefai tah daqqa u idu żelqet. Kien hemm li ra l-mus kollu f’Portelli, b’miraklu għalih li ma mietx.
“Dak il-ħin kont konvint li qatlu”, kompla Mompalao, li spjega li hu u ħiereġ induna li ra tiċrita fil-ġlekk tiegħu. Ma kellux gazz jinżgħu għax beża’, iżda ma ħassux li ntlaqat u dak il-ħin lanqas ħass uġiegħ, għalkemm qal li hu konvint li laqtu meta kien qed jgħatti wiċċu. L-Avukat Mompalao qal li l-Isptar għamlulu seba’ punti u ħa l-kura biex il-ferita ma tibqax daqstant kerha. Fil-kontro-eżami, l-Avukat Mompalao qal li wara dak li ġara fl-Awla kien ħareġ, iżda wara nduna li kellu l-bagalja u l-mobile fl-Awla. Ried imur għall-mobile għax ried iċempel lil mara u kif kien tiela’ ra lil Cefai nieżel mit-taraġ rasu ‘l isfel u jiġri.
L-Avukat Mompalao ċaħad dak li ngħad fil-ġurnali, li hu daħal bejn Portelli u Cefai biex jifridhom. Qal li hu ntlaqat x’ħin ipprova jilqa’ b’idejh. Qal li dak il-ħin kien imwerwer u għamel jumejn wara ma setax jorqod. “Nirringrazzja l-Alla li ma weġġajtx aktar gravi … jien għandi familja, missier ta’ tlett itfal u mort hemm biex naqla’ x’niekol”.
Għal Cefai qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella.
//= $special ?>