Edukazzjoni Lokali

Inawgurat l-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Universita’ ta’ Malta

Università ta' Malta

L-Istitut tal-Logħob Digitali fl-Universita` ta’ Malta li twaqqaf f’Jannar tas-sena 2013 jipprovdi tagħlim u riċerka ta’ livell mondjali fid-disinn, fl-analiżi u fit-teknoloġija tal-logħob diġitali.

Għalkemm l-Istitut ilu sena u nofs jipprovdi tagħlim lil istudenti, il-premisis tal-Istitut kien inawgurat it-Tlieta mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo. Attendew ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ir-Rettur tal-Universita`, Juanito Camilleri u d-Direttur tal-Istitut, Gordon Calleja.

Ir-Rettur tal-Universita` qal li l-logħob diġitali jikkontribwixxi biex Malta tattira investiment barrani u l-Istitut se jgħin biex jitwaqqfu anke kumpaniji Maltin.

Bħalissa f’Malta hawn 15-il kumpanija li jiżviluppaw il-logħob diġitali u ħafna mill-impjegati tagħhom huma barranin minħabba li m’hawnx biżżejjed nies Maltin kwalifikati f’din l-industrija.

Bħalissa fl-Istitut qed jattendu 22 student għal kors għal Masters in Science in Digital Games. L-istudenti ġejjin minn kuntesti akkademiċi differenti u jkunu ippreparati għar-rwoli ta’ disinn, riċerka u konsulenza biex jindirizzaw problemi kumplessi fl-iżvilupp tal-logħob.

L-Istitut għandu staff full-time ta’ ħamsa u hemm erba’ membri oħra tal-istaff li ġew permezzz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea għall-proġetti b’finanzjament ta’ miljun ewro li nkisbu mill-Istitut stess.