Il-Qorti tiddikjara li hemm biżżejjed provi biex il-mara titpoġġa taħt att ta’ akkuża
It-tifla ta’ Emanuel Camilleri, il-missier li kien akkużat li abbuża minn bintu u li nħeles ftit tal-jiem ilu mill-ħabs, kienet iddikjarat mal-Pulizija li kienet xebgħet tgħatti u taħbi għal ommha. Quddiem il-Magistrat Ian Farrugia, fil-Qorti l-Ispettur tal-Pulizija Sandro Camilleri xehed li t-tifla, li llum għandha 20 sena u taħdem bħala Carer f’Dar tal-Anzjani, qalet li kienet iddejqet taqbeż għal ommha u li missierha qatt m’għamlilha xejn. Għalhekk hemm biżżejjed provi biex l-omm titpoġġa taħt att ta’ akkuża.
L-Ispettur Sandro Camilleri kien qed jixhed waqt il-kumpilazzjoni kontra Lisa May Camilleri, li qed tkun akkużata li tat informazzjoni żbaljata li wasslet għal kundanna ta’ ħabs fil-konfront ta’ persuna oħra. Hi qed tkun akkużata wkoll li gidbet meta kienet taħt gurament. It-tifla, Leanne Camilleri, qalet ukoll lill-Ispettur li n-nanna tagħha kienet tgħidilha biex tgħid li missierha abbuża minnha.
Il-Pulizija nterrogat ukoll lill-eks sieħeb tat-tifla, li qal li madwar ħames snin ilu qaltlu li mhux veru li missierha abbuża minnha. L-eks sieħeb tagħha qal ukoll li hi kienet qaltlu li ħarġet tqila u li hu kien missier it-tarbija, iżda ma kien veru xejn lanqas li kienet qed tistenna tarbija.
Waqt il-kumpilazzjoni ħareġ ukoll li żewġ uffiċjali ta’ Puttinu Cares qalu li l-missier kien iżur fl-Isptar lil ibnu Luke, li miet bil-marda tal-leukaemia. Madankollu, kemm dam l-Isptar, l-omm marret tara lil binha darbtejn biss. Iż-żewġ uffiċjali ta’ Puttinu Cares qalu wkoll lill-Ispettur Camilleri li wara l-mewt tat-tifel, inqala’ xi ġlied bejn il-ġenituri bil-konsegwenza li ntlaqat ukoll il-ġisem mejjet tat-tifel. Qalu wkoll li xi drabi t-tfal kien ikollhom jorqdu barra fit-triq għax l-omm kienet iddaħħal xi rġiel id-dar.
Fi tmiem is-seduta, il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex il-mara, li kienet miċħuda l-libertà proviżorja, titpoġġa taħt att ta’ akkuża. Il-każ se jkompli fit-23 ta’ Lulju.
//= $special ?>

