Fi tmiem il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport, organizzata mill-fergħa Tim Sport PN fuq medda ta’ tlett ijiem, il-Partit Nazzjonalista jinsab konvint aktar minn qatt qabel li l-isport hu ħolqa kruċjali li ssaħħaħ it-tessut soċjali u biex il-familji Maltin u Għawdxin jgħixu ħajja aħjar. Dan joħroġ bl-aktar mod ċar mis-suġġetti li tqajmu għad-diskussjoni matul it-tlett ijiem tal-konferenza, fosthom il-ħidma meħtieġa biex niġġieldu l-obeżità, ir-razziżmu, il-bullying, l-inklużjoni u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà.
Għall-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar, il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport bit-tema “L-Isport f’Malta: il-Pass li Jmiss” serviet biex jintbagħat messaġġ b’saħħtu lill-poplu Malti u Għawdxi dwar l-importanza tal-valuri sportivi u li dan il-qasam għandu jservi ta’ għodda ħalli tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà Maltija u jissaħħu l-ġenerazzjonijiet futuri.
Għall-PN, tmiem din il-Konferenza fisser pjan ta’ ħidma ta’ fejn irridu nwasslu l-qasam tal-isport fis-snin li ġejjin. Matul il-Konferenza saru diskussjonijiet dwar temi kurrenti fl-isport, inkluż l-amministrazzjoni, il-media u l-psikoloġija fl-isport. Diversi mistiedna internazzjonali taw preżentazzjonijiet, li servew biex dawk li attendew setgħu jifhmu aħjar kif pajjiżi oħrajn iħarsu lejn l-isport.
Fi stqarrija l-PN qal li, ‘il bogħod mill-politika partiġġjana, jinsab impenjat bis-sħiħ li jkompli jaqsam l-ideat tiegħu mal-Gvern ħalli verament nagħtu lil pajjiżna l-aqwa u l-aħjar anke fil-qasam sportiv. L-Abbozz ta’ Liġi li tressaq mill-PN fil-Parlament ilbieraħ, b’rabta mal-ħidma meħtieġa biex tkun indirizzata l-isfida tal-obeżità f’pajjiżna, kien sinjal ieħor ċar li l-PN hu Partit kostruttiv fl-Oppożizzjoni li qed jagħti kontribut b’saħħtu ħalli biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem.
Fl-istqarrija, il-PN irringrazzja lil kull min attenda għall-Konferenza Nazzjonali tal-Isport, inkluż l-għaqdiet sportivi, atleti, Kunsilli Lokali, għalliema u anke individwi, li ħassew l-obbligu li jattendu u jagħtu sehemhom. Qal li l-Konferenza Nazzjonali ma setgħetx issir mingħajr l-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-iSport, filwaqt li rringrazzja wkoll lis-Segretarju Parlamentari Chris Agius, lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Joseph Caruana, lill-kelliema tal-Alternattiva Demokratika Clare Azzopardi Lane u lill-Kumitat Olimpiku Malti għall-kontribuzzjoni tagħhom biex din il-Konferenza tkun verament waħda nazzjonali.
Il-PN wiegħed li se jkompli jaħdem biex ixettel dejjem aktar kultura favur l-isport, filwaqt li jibqa’ jagħti sehemu ħalli tkun indokrata kultura li tħares lejn l-isport mhux biss bħala passatemp, iżda li hu bżonnjuż għal ħajja dejjem aktar b’saħħitha.
//= $special ?>

