Qorti

L-eredi ta’ vittma f’inċident tat-traffiku jingħataw kumpens ta’ €85,000

L-eredi ta’ raġel li kien ittajjar minn karozza u nqatel waqt li kien qed jiġġogja fil-Mosta fl-2008 ingħataw is-somma ta’ €85,000 f’danni mill-Imħallef Anthony Ellul li kien qed jippresedi l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
Nikolina Formosa, Alison Sant’Angelo u Darren Emanuel Formosa, eredi ta’ Emanuel Formosa, li miet ta’ 59 sena, kienu fetħu l-każ fil-Qorti kontra s-sewwieq Kevin Ellul ta’ 30 sena mill-Mosta, akkużat bil-qtil involontarju tar-raġel ta’ 59 sena.

Mill-provi rriżulta li Ellul kien qed isuq fi Triq Durumblat, il-Mosta fid-direzzjoni ta’ Ħ‘Attard filwaqt li Emanuel Formosa kien qed jiġri fit-triq mid-direzzjoni opposta u kien liebes ħwejjeġ skuri. Fil-ħin tal-inċident filgħodu kmieni kien għadu d-dlam.

Il-kumpanija tal-assikurazzjoni Middle Sea Insurance plc li magħha kien assikurat is-sewwieq kienu awtoriżżati li jintervjenu f’din il-kawża.

L-Imħallef Ellul qal fid-deċiżjoni tiegħu li Kevin Ellul kien qed isuq fin-naħa l-ħażina tat-triq, fid-direzzjoni opposta u laqat lil Formosa li bl-impatt kien spiċċa f’għalqa. Il-Qorti qalet li huwa minnu li Formosa kien liebes ħwejjeġ skuri u li dawk li jkunu qegħdin jaqsmu huma obbligati li jieħdu l-prekawzjoni qabel ma jużaw it-triq.

Biss dawn il-fatturi ma kkontribwewx għat-tali inċident. Il-Qorti qalet li Formosa ma nqatilx għax kien liebes ħwejjeġ skuri iżda minħabba n-negliġenza ta’ Ellul li tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu. Sadanittant, meta mistoqsi għaliex tilef il-kontroll tal-karozza, Ellul qatt ma ta spjegazzjoni.

Ellul instab ħati ta’ responsabbilita’ tal-inċident u kien ordnat iħallas lill-eredi €84,570 f’danni. Fl-2008 il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet ikkundannat lil Ellul sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati fuq l-istess każ.