L-impjant tal-BWSC, li qabel l-elezzjoni kien deskritt mill-Partit Laburista bħala fabbrika tal-kanċer, qed jiffranka lill-Korporazzjoni Enemalta miljun ewro fil-ġimgħa. Hi din ir-raġuni li qed twassal biex il-Gvern inaqqas it-tariffi minn issa mingħajr ma għadu sar xejn fil-bini tal-impjant il-ġdid.
Dan l-impjant mhux biss ġie kkonfermat mill-Gvern stess li qed joffri enerġija nadifa, iżda sar ukoll l-akbar investiment li għandha l-Korporazzjoni tant li l-impjant se jinbigħ liċ-Ċiniżi.
Dan sostnih id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino fl-intervent li għamel waqt id-dibattitu dwar l-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta.
George Pullicino qal li l-Enemalta hi korporazzjoni li titratta d-dawl iżda taġixxi fid-dlam. Minbarra li taħdem b’ħabi tiddefendi lil min jikkorrompi.
George Pullicino tkellem dwar l-iskandlu tas-serq tad-dawl bi tbgħabis minn smart meters u qal li l-istqarrija tal-Ministru dwar il-każ saret wara li hu kien għamel mistoqsija parlamentari jekk kienx hemm investigazzjoni għaddejja.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li meta saret l-istqarrija, hu kien għamel numru ta’ mistoqsijiet dwar x’passi kienu se jittieħdu kontra l-persuni li skont il-Ministru jirriżulta li serqu u xaħħmu.
George Pullicino qal li minflok ħa passi kontra l-ksur tal-liġi, il-Gvern aġixxa bħala l-avukat ta’ min xaħħam u kkorrompa. Issa sar magħruf li se jinġabru 10 miljun ewro. Meta wieħed iqis li l-Ministru sostna li kienu qed jinsterqu 30 miljun ewro fis-sena jfisser li l-Korporazzjoni se tiġbor lura 10 minn 90 miljun ewro.
George Pullicino qal li Gvern li wiegħed it-trasparenza iżda qed jaġixxi b’ħafna sigrieti. Hu talab għal informazzjoni dwar kemm tressqu persuni l-Qorti in konnessjoni mas-serq tal-elettriku. Minflok wieġeb il-Ministru nħeba wara l-iskuża li l-investigazzjonijiet għadhom sejrin u ghalhekk ma riedx li jfixkel il-ħidma tal-Pulizija.
George Pullicino qal li ma jistax jifhem kif wieħed jista’ jfixkel l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jekk kien hemm direzzjoni politika biex il-Pjulizija ma tieħux passi.
L-istess segretezza għadha tinżamm fil-każ tal-ftehim maċ-Ċina, l-istess segretezza li nżammet dwar iż-żjara tal-Prim Ministru fiċ-Ċina meta kien Kap tal-Oppożizzjoni. Dak li se tieħu ċ-Ċina se tieħdu mingħajr kompetizzjoni ta’ ħadd.
George Pullicino qal li l-Gvern lanqas ippubblika l-memorandum of understanding u minflok il-kuntratt li qed jgħid li ffirma l-Gvern, jidher li kien hemm it-tiġdid tal-konvenju li sar bejn il-partijiet.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li bil-ftehim li għamel il-Gvern, l-Enemalta se jkollha l-minoranza tal-ishma tal-Korporazzjoni u din se tkun kontrollata minn maġġoranza ta’ interessi barranin. Dan imur kontra l-wegħda li għamel il-PL qabel l-elezzjoni li l-Enemalta ma tkunx privatizzata. S’issa l-Gvern biegħ 35 fil-mija tal-ishma tal-Enemalta liċ-Ċina u l-Gvern għadu ma weġibx jekk hux se jinbiegħu aktar ishma lil ħaddieħor.
George Pullicino qal li f’laqgħa li kien għamel Charles Mangion għall-ħaddiema tal-Enemalta kien offrielhom erba’ għażliet li jnaqqsu jew jillimitaw il-kundizzjonijiet li l-ħaddiema għandhom illum.
B’dan kollu il-GWU tinsab kuntenta għall-aħħar u baqgħet siekta minkejja t-tħassib tal-ħaddiema li jistgħu jitilfu flus marbuta max-shift allowance. Ħafna ħaddiema huma mħassba jekk it-tnaqqis fil-pagi hux se jirrifletti wkoll tnaqqis fil-pensjonijiet.
George Pullicino qal li dan l-aħħar ingħatat l-aħbar kbira ta’ tnaqqis ta’ żewġ ċenteżmi. Il-Prim Ministru li f’April għolla l-prezz tal-petrol b’żewġ ċenteżmi, sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jgħid li kien qed inaqqas żewġ ċenteżmi.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem imbagħad dwar il-proġett tal-power station tal-gass f’Delimara.
Il-Ministru qal li l-impjant ta’ regassification ma kienx se jdum fil-bajja ta’ Marsaxlokk għaliex kien se jkompli jaħdem fuq il-pipeline tal-gass. George Pullicino staqsa x’se jiġri minn dan l-impjant ladarba jibda jintuża l-gass mill-pipeline. Il-Gvern qed jgħid li se jraħħas it-tariffi minħabba l-proġett li se jwettaq. Dan ma jitwemminx meta l-prezz tal-enerġija hu ferm irħas bil-gass mill-pipeline.
George Pullicino appella biex il-Gvern jippubblika studju tal-Istate Aid Monitoring Board. Hu staqsa kif, ladarba sar ftehim li l-Gvern jixtri enerġija mingħand l-Electrogas, se jkun assigurat li l-kumpannija tixtri gass mill-pipeline. Dwar dan il-ftehim il-Gcvern baqa’ jżomm lill-poplu Malti għal kollox fid-dlam.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa jekk dan il-kuntratt fihx ħafna kundizzjonijiet. Hu staqsa wkoll x’sar minnhom it-30 miljun ewro li l-Gvern qal li se jieħu hekk kif jiġi ffirmat il-ftehim.
George Pullicino qal li nkisru ħafna mill-wegħdiet li saru dwar il-proġett tal-impjan tal-gass. }diedet sostanzjalment il-ħażna li kellha ssir fuq l-art u issa se ssir fuq bastiment f’nofs il-bajja. Kien qal ukoll li se jġib prezz fiss għaxar snin iżda kellu jaċċetta ftehim għal ħames snin.
Mhux minnu li t-traħħis tal-kontijiet tad-dawl qed isir minħabba l-proġett tal-impjant il-ġdid iżda minħabba li l-Enemalta se tkun qed tiffranka 64 miljun ewro. Minekjja dan, il-Gvern se jraħħas il-kontijiet b’25 miljun ewro.
George Pullicino qal li minn kalkoli li għamel dwar konsum medju, persuna se tkun qed tiffranka 80 ewro f’sena li hu kemm taqla’ mart il-Ministru Mizzi f’siegħa. Familja ta’ tnejn min-nies se tiffranka 110 ewro f’sena.
Is-sistema ta’ kont kull xahrejn se twassal biex aktar familji jitilfu l-eco-reduction, jiġifieri traħħis speċjali għal użu kontrollat tal-enerġija. Jagħmel aktar sens li l-kalkolu jsir fuq konsum medju matul is-sena.
Wegħda oħra tal-PL kienet li jaqleb immedjatament l-impjant tal-BWSC minn heavy fule oil għal diesel biex ma tibqas fabbrika tal-kanċer. Il-Gvern mhux talli ma qalibx is-sistema li seta’ għamilha f’żewġ minuti, talli estenda l-użu tal-Heavy Fuel Oil sa sas-sena d-dieħla. Il-fatt hu li bl-impjant tal-BWSC l-Enemalta qed tiffranka miljun ewro fil-ġimgħa.
Minkejja l-biża’ li l-PL żera’ qabel l-elezzjoni dwar l-impjan t tyal-BWSC, f’dokument lill-UE iddeskriva dan l-impjant bħala wieħed li jipproduċi enerġija nadifa. Dan kien ikkonfermat ukoll minn studju li tqabbad mill-MEPA u sar minn esperti ta’ universita’ barranija.
George Pullicino qal li minn fabbrika tal-kanċer, l-impjant tal-BWSC sar l-akbar investiment tal-Enemalta biex dan inbiegħ liċ-Ċina.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li minn 14-il proġett li għalihom hemm fondi mill-Fondi Reġjonali tal-UE għal enerġija alternattiva se jkunu qed jibbenefikaw biss entitajiet tal-Gvern minflok familji, industriji u intrapriżi lokali kif kien isir taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Sadanittant il-Gvern għadu ma qalx meta se jippubblika l-pjan tiegħu għal enerġija nadifa. Dan kien diġa’ tlesta iżda kellu jinbidel minħabba enerġija żejda li l-pajjiż se jkun qed jipproduċi bil-proġett li l-Gvern qed jgħid li jrid iwettaq.
Meta rrefera għall-kumpannija ARMS, George Pullicino qal li fi 15-il xahar inħatru tliet chairpersons u tliet kapijiet eżekuttivi minħabba riżenji minn dawn il-karigi. Dawn il-ħatriet saru mhux b’sejħa pubblika iżda saru għan-nies tal-qalba skont kemm wieħed ikun serva lill-Partit Laburista.
Id-Deputat Laburista Silvio Parnis qal li wara l-kampanja ta’ biża’ li għamel il-PN dwar il-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk hu beża’ l-pL se jitlef aktar voti fl-elezzjoni tal-Membri għall-Parlament Ewropew.
Id-Deputat Laburista Deo Debattista qal li d-direzzjoni miexja biha l-Enemalta hi frott tal-ideat tal-Ministru Konrad Mizzi u l-Prim Ministru Joseph Muscat. Ħeġġeġ ukoll għal aktar investiment f’enerġija alternattiva.
Id-Deputat Laburista Etienne Grech qal li bit-traħħis ta’ żewġ ċenteżmi fil-petrol hu, li jiġri ħafna bil-karozza, se jiffranka żewġ ewro fix-xahar.
Id-Deputat Silvio Schembri qal li t-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jfissru tkabbir fl-ekonomija u ħolqien ta’ impjiegi.
Fid-diskors ta’ għeluq il-Ministru Mizzi ċaħad li d-dejn qed jiżdied. Qal ukoll li minħabba t-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed tiżdied id-domanda għall-konsum.
Minflok wieġeb numru ta’ mistoqsijiet li sarulu mid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Konrad Mizzi qal li aktarx li din se tkun l-aħħar okkażjoni li jikkonfronta lid-Deputat Nazzjonalista għaliex għandu informazzjoni li se ssir reshuffle fost ix-shadow ministers tal-Oppożizzjoni.
Fi tmiem is-seduta ittieħdet votazzjoni u kienu approvati b’36 vot favur u 28 vota kontra, l-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurta’ fil-Post tax-Xogħol, tal-Awtorita’ Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u tal-Awtorita’ tad-Djar.
L-impjant tal-BWSC jiffranka miljun ewro fil-ġimgħa lil Enemalta


