Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’mod pożittiv l-aħbar li l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’rata aktar mgħaġġla meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni Ewropea. Dan jawgura tajjeb u joffri tama lill-kważi 8,000 persuna li jinsabu mingħajr xogħol f’pajjiżna.
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech, il-PN qal li hu pożittiv li bosta setturi fl-ekonomija ta’ pajjiżna, speċjalment fil-qasam tas-servizzi li kibru u ħaddmu eluf ta’ persuni fl-aħħar snin, komplew jiżviluppaw fit-triq it-tajba li kienu fiha matul l-aħħar snin.
Madankollu, l-PN innota bi tħassib li parti sostanzjali mit-tkabbir ekonomiku reġa’ ġej mis-settur pubbliku, li kkontribwixxa għal kważi terz taż-żieda. Aktar minn hekk, aktar minn nofs iż-żieda fis-salarji wkoll ġejja mis-settur pubbliku. Għall-kuntrarju ta’ dan, kien hemm tnaqqis f’setturi mportanti, fosthom fis-servizzi finanzjarji u l-manifattura, li bejniethom iħaddmu eluf ta’ ħaddiema.
Il-PN qal li dan jikkonferma li l-politika tal-Gvern hi li jostor il-problema dejjem tikber tal-qgħad billi jżid in-numru ta’ nies maċ-Ċivil. Dan ikompli jitfa’ dubji fuq il-ħila tal-Gvern li jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu, kif anke ġie kkonfermat mid-deċiżjoni riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li tibqa’ twissi lill-Gvern fuq il-finanzi ta’ pajjiżna.
Il-PN saħaq li l-Gvern għandu jgħarbel sew l-indikaturi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u jindirizza b’inizjattivi konkreti dawk is-setturi li qed jiltaqgħu ma’ diffikultà. B’hekk jinstabu soluzzjonijiet li joħolqu aktar xogħol għall-familji Maltin u Għawdxin, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>