Il-Gvern għadu ma jridx jgħid min kienet il-persuna li sal-Ħadd li għadda kienet qed tgħix f’appartament fix-Xemxija, taħt għassa stretta minn membri armati tas-servizz tas-sigurtà, bl-iskuża li din hi kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali. Jirrizulta li wara li l-Ħadd il-media kollha ffukat l-attenzjoni tagħha fuq l-appartament lussuż fix-Xemxija wara rapporti li dak li kien hemm fih seta’ kien l-eks Prim Ministru tal-Libja Ali Zeidan, li jinsab mahrub minn pajjiżu, issa l-post hu vojt u min kien hemm fih għal dawn l-aħħar ġimgħat u xhur m’għadux hemm.
Fil-fatt, mill-bieraħ filgħodu s-sitwazzjoni fl-inħawi rritornat għan-normal u m’għadx hemm ħjiel tal-uffiċjali tas-sigurtà armati li kienu qed jgħassu l-bini b’żewġ karozzi 24 siegħa kuljum. MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li l-inkwilini l-oħra tal-kumpless “L-ambjent” fit-telgħa tax-Xemxija, mhux l-ewwel darba li għamlu mistoqsijiet dwar dak li kien qed jiġri fil-post fejn jgħixu. Huma staqsew għaliex kien hemm dik is-sigurtà kollha, iżda qalulhom biss li fil-post kien qed jgħix Għarbi li ġie Malta għal xi tip ta’ kura fl-Isptar. Madankollu, fl-ebda ħin ma kkonfermawlhom li fil-fatt ir-raġel li kien effettivament ġar tagħhom fl-istess blokk ta’ appartamenti kien l-eks Prim Ministru Libjan.
Min-naħa tiegħu, sid l-appartament Ferdinand Grech ikkonferma li mill-estate agency li magħha ffirma l-kuntratt biex jikri l-post tiegħu, qalulu biss li dan kien Diplomatiku barrani li kien jeħtieġ il-kura. Uħud minn dawk li tkellmu magħna qalu li ġieli nnutaw Għarbi ħiereġ u dieħel mill-post għalkemm dan, fil-fehma tagħhom, ma kienx Zeidan. Il-persuna li nnutaw tgħix hemm kienet iżgħar fl-età u magħha ġieli kien ikun hemm mara. Mid-dehra tagħha, din ukoll tidher li kienet Għarbija. Qalulna wkoll li minn żmien għal żmien, l-istess persuna misterjuża kienet tiċċaqlaq mix-Xemxija u tmur f’appartament ieħor fl-inħawi ta’ Tas-Sliema.
Sid l-appartament ikkonfermalna li għall-bidu, id-Diplomatiku kien alloġġjat f’post ieħor li hu għandu f’Tas-Sliema għax rieduh ikun qrib tal-Isptar. Iżda minħabba s-sigurtà qawwija li kellu miegħu u l-iskariġġ li din iġġib magħha, kien hu stess li talab li dan jiġi mċaqlaq lejn l-appartament l-ieħor li għandu fi Blokk Ċ fix-Xemxija. Grech qalilna li l-kirja kienet ilha tiġi mġedda ġimgħa b’ġimgħa għal tliet ġimgħat, iżda skadiet propju l-Ħadd li għadda meta l-barrani telaq mill-post. Mhux eskluż, madanakollu, li għadu f’Malta u jinsab alloġġjat xi mkien ieħor.
Minkejja li l-Gvern ċaħad li l-eks Prim Ministru Libjan kien residenti f’Malta, min-naħa l-oħra ma weġibx mistoqsijiet dwar min kienet il-persuna li kienet qed tgħix fl-appartament taħt sigurtà qawwija 24 siegħa kuljum.
//= $special ?>

