Futbol Sport

Parapletiku f”libsa tal-ħadid’ se jiftaħ it-Tazza tad-Dinja

L-ewwel daqqa ta’ sieq ta’ ballun waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-Tazza tad-Dinja se ssir minn persuna parapletika liebes ‘libsa tal-ħadid’ bħal dik ta’ Iron-Man kontrollata minn sinjali mill-moħħ.
It-tabib Brażiljan Miguel Nicolelis, mexxa tim ta’ 156 xjentist minn madwar id-Dinja biex ħolqu din il-libsa futuristika, iddisinjata bil-mira ewlenija li tgħin vittmi paralizzati ħalli jkunu jistgħu jimxu.
Fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ il-Ħamis f’Sao Paolo, persuna parapletika li l-indentita` tagħha nżammet mistura, se jkun jew tkun, qed tħalli s-siġġu tar-roti biex tinżel fil-pitch f’din il-libsa speċjali u tagħti l-ewwel xutt tat-turnament.
Ċirkwiti elettroniċi fl-apparat ‘tas-sieq’ se jkunu qed jibagħtu messaġġ lill-persuna li tkun qed tuża’ l-libsa permezz ta’ ġilda artifiċjali (exoskeleton) milbusa fuq id-dirgħajn, u dan jibdel dan il-messaġġ f’moviment u kuntatt.
“Din hi l-ewwel darba li exoskeleton hi kontrollata b’attivita` mill-moħħ u offruta bħala rispons lill-pazjenti. Li wieħed jagħmel dimostrazzjoni fi stadium hi xi ħaġa ferm barra mir-rutina normali tar-robotika. Din qatt ma saret qabel,” qal Nicolelis li hu newroxjentist fl-Universita` ta’ Duke.
Il-vuċi tiegħu kien fiha taħlita ta’ eċċitament u eżawriment, riżultat ta’ 30 sena ħidma, aktar minn 200 karta xjentifika u numru enormi ta’ testijiet kliniċi li issa reqsin lejn il-quċċata tal-proġett.
Nicolelis beda din it-triq fl-1984, meta għamel teżi dwar il-konnessjoni tan-newroni mal-kontroll muskolari.
Hu qal li l-ideja għal din il-libsa waslet għandu fl-2002 meta x-xjenzati kienu għadhom qed jibdew jesploraw l-exoskeletons robotiċi.
“Fl-2009 sirna nafu li l-Brażil se jorganizza t-Tazza tad-Dinja. Talbuni għal xi idejat biex juru l-Brażil b’mod differenti milli normalment inħarsu lejh. Kien hawn li ssuġġerejet li nagħmel dimsotrazzjoni xjentifika biex ngħallem lin-nies li l-Brażil qed jinvesti u għandu l-potenzjal uman biex jagħmel aktar affarijiet mill-futbol.”
Nicolelis qal li hu u tim ta’ 40 persuna rari ħarġu mil-laboratorju sa minn Marzu meta waslu f’Sao Paulo, l-akbar belt u bejta ekonomika fil-Brażil, biex jiffinalizza l-preparazzjoni.
Imma dan ix-xogħol kollu kien ukoll ippremjat u semma l-mument meta fl-24 ta’ April, persuna paralizzata għamlet l-ewwel passi f’exoskeleton.
Huma semmew dan l-apparat BRA-Santos Dumont, kombinazzjoni ta’ tliet kelmiet f’kodiċi sportiva għall-Brażil u Alberto Santos-Dumont, avjatur Brażiljan, inventur u li kien jgħix ħajja ta’ lussu, li darba wera li titjiriet kontrollati huma possibli meta tajjar apparat madwar it-Torri Eiffel.
Il-kritiċi iżda qed jiddubitaw mill-prattiċita` tar-riċerka tiegħu u akkużawh li għamel użu inġust mis-sehem tal-baġit tal-Brażil għar-riċerka. Nicolelis qed jiċħad dan kollu.
“Il-fondi huma l-istess bit-Tazza tad-Dinja jew mingħajrha. Irċevejna $14 miljuni mill-Gvern Brażiljan fl-aħħar sentejn. Dan hu bejn wieħed u ieħor erba’ jew ħames darbiet anqas minn dak li jinvesti l-Gvern Amerikan f’id mekkanika. Ma nara xejn ħażin bid-dimostrazzjoni tat-teknoloġija lid-dinja kollha. Xi ħaġa li għandha għan umanitarju u li tħallset mis-soċjeta` ċivili,” qal Nicolelis.
Aktar minn 60,000 persuna se jkunu fil-Corinthains Arena ta’ Sao Paolo biex jaraw iċ-ċerimonja u l-logħba tal-ftuħ bejn il-Brażil u l-Kroazja. Madwar biljun persuna mistennija li jkunu qed isegwu dak li jkun qed jiġri, fuq it-televiżjoni madwar id-dinja.