Lokali Saħħa

Solvut il-każ ta’ tifel li nżamm f’sala tal-adulti f’Monte Carmeli

L-isptar Monte Karmeli

Wara li l-ġimgha li għaddiet, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech żvela każ ta’ tifel ta’ anqas minn 10 snin li tpoġġa f’Seclusion Ward fl-Isptar Monte Carmeli, li normalment fiha jitpoġġew persuni adulti, issa hu kkonfermat li din il-problema kienu solvuta.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani John Cachia ħabbar dan f’kummenti lil MaltaRightNow.com. Hu spjega li issa t-tifel qed jinżamm f’sala għat-tfal u l-adoloxxenti, wara li kienu solvuti l-problemi li kien hemm u li wasslu biex dak it-tifel kien rikoverat għas-sigurtà tiegħu stess fis-sala fejn kien qed jinżamm qabel.

Claudio Grech kien ħabbar ukoll li kien se jiltaqa’ mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali biex isiru laqgħat bl-involviment ta’ esperti kliniċi u psikologi ħalli jittieħdu miżuri li jindirizzaw il-kura tas-saħħa mentali għat-tfal.

Dwar dan il-każ, tkellimna wkoll mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne. Hu qal li għalkemm ma kienx se jidħol f’dak il-każ partikulari minħabba l-kundifenzjalità tal-pazjent, jaqbel ma dak li qal Claudio Grech jiġifieri li din is-sitwazzjoni ilha għaddejja u li fil-ġranet li għaddew, anke qabel seħħ dak il-każ kif ukoll fil-futur se jkomplu jiddiskutu metodi ta’ kif tista’ tingħata kura aħjar lit-tfal li għandhom problemi ta’ saħħa mentali.

Hu qal li bħalissa s-servizz li qed jingħata fil-Young Patients Unit (YPU) tal-Isptar Monte Carmeli mhuwiex biss għat-tfal li għandhom kundizzjoni tas-saħħa mentali, iżda l-YPU spiċċa wkoll ripożitorju għat-tfal li għandhom anke problemi ta’ behaviour u conductive disorders. Hu qal li dawn it-tip ta’ problemi jridu jinfirdu biex ikun jista’ jingħata servizz aħjar lit-tfal b’dawn il-problemi.

Dan juri kemm anke mill-Oppożizzjoni, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista qed jieħdu inizjattivi, inkluż fil-qasam importanti tas-saħħa, bl-iskop li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu.