Lokali

Sospiża l-esklużjoni ta’ kumpanija mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

Ftit sigħat biss wara li ħareġ stqarrija li fiha ħabbar li se jeskludi lill-kumpanija Gafa Saveways mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Gvern issospenda din id-deċiżjoni. It-Tnejn filgħaxija, fi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern ħabbar li se jeskludi lil din il-kumpanija privata u lil kumpanija oħra mill-kuntratti kollha tieghu wara li skont l-istqarrija nstabu ħatja ta’ xogħol prekarju bi ksur tal-Liġi tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.

B’dan il-blacklisting, kienet qalet l-istqarrija tad-DOI, ġew infurmati uffiċjalment is-Segretarji Permanenti, id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tad-Dipartimenti kollha tas-Settur Pubbliku biex għas-sentejn li ġejjin ma jikkunsidrawx lil din il-kumpanija, flimkien mal-kumpanija Clentec Ltd għall-ebda direct orders, kwotazzjonijiet jew tenders pubbliċi. Dan sar permezz ta’ ċirkolari li d-Diretturi kollha taċ-Ċivil u l-Kapijiet tal-Korpi Parastatali rċievew mingħand id-Dipartiment tal-Kuntratti.

Iżda anqas minn 24 siegħa wara, għal xi raġuni li s’issa għadha mhix magħrufa, il-Gvern kien kostrett jissospendi l-projbizzjoni fil-każ ta’ Gafa Saveways Ltd u kellu jerġa’ jibgħat ċirkulari lill-Kapijiet kollha tas-Settur Pubbliku ħalli jinfurmahom b’dan. Fl-istqarrija oriġinali tal-Gvern, kien ingħad li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet bħala parti minn azzjoni li qed jieħu l-Gvern biex jagħti daqqa kbira lill-prekarjat. Din id-deċiżjoni, kienet qalet l-istqarrija, hi riżultat tar-regolamenti ġodda li daħlu fis-seħħ fl-ewwel xhur tal-Gvern il-ġdid, li jagħtu lok għal spezzjonijiet spissi fuq kumpaniji li jieħdu kuntratti għal servizzi li jagħtu lill-Gvern.

Mhux magħruf x’inbidel u allura x’wassal biex il-Gvern kellu jagħmel U-Turn dwar il-każ ta’ Gafa Saveways, li dwaru ma nħarġet l-ebda stqarrija biex tħabbar li d-direttiva ġiet irtirata. F’April li għadda, Gafa Saveway Cleaners Ltd kienet ċaħdet allegazzjonijiet li kienet għamlet il-GWU li kienet qed tħaddem impjegati b’kundizzjonijiet prekarji. Fi stqarrija, kienet qalet li l-500 ħaddiem tagħha kollha huma mpjegati skont il-Liġi, filwaqt li stiednet lid-Direttur tax-Xogħol biex, meta jrid, jispezzjona l-kuntratti tagħhom.

Il-kumpanija l-oħra tippreżenta Protest Ġudizzjarju kontra l-Gvern

Sadanittant, anke l-kumpanija l-oħra nvoluta fil-każ, Clentec Limited, irreaġixxiet għad-deċiżjoni tal-Gvern u ppreżentat b’urġenza Protest Ġudizzjarju fil-Qorti. Fih tat jumejn ċans lid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti biex jirrevoka d-deċiżjoni, li ddeksrivietha bħala “illegali” fil-konfront tagħha. Talbitu wkoll jinforma b’dan lis-Segretarji Permanenti, lid-Diretturi Ġenerali, lid-Diretturi u anke lill-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-Gvern.

Il-kumpanija qalet li se żżomm lill-Gvern responsabbli għad-danni kollha li sofriet jew għad tista’ ssofri. Filwaqt li ċaħdet l-allegazzjonijiet foloz tal-Gvern, Clentec qalet li qatt ma nstabet ħatja ta’ xi xogħol prekarju. Akkużat ukoll lill-Gvern li ħareġ l-istqarrija mingħajr ma għamel il-verifiki meħtieġa, fosthom dwar kif il-Management tal-kumpanija kien minn tal-ewwel li avviċina lit-trejdunions ħalli tkun megħluba l-pjaga tal-prekarjat u l-ħaddiema jgawdu d-dinjità u r-rispett li jistħoqqilhom.