Lokali Qorti

Virtu Ferries twissi lill-Kamra tal-Kummerċ fuq allegazzjonijiet ta’ xi membri tagħha

Fi protest li ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, il-kumpanija Virtu Ferries Limited wissiet lill-Kamra tal-Kummerċ Intrapriża u Industrija li se żżommha responsabbli għal kull danni li tista’ issofri bl-allegazzjonijiet li wħud mill-membri tagħha għamlu fil-konfront tal-operat tagħha.

Permezz  tal-Avukat tal-kumpanija Aaron Galea Cavallazzi, Virtu Ferries irreferiet għas-seduta tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-5 ta’ Mejju li għadda fejn qalet li matulha għadd ta’ membri tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija għamlu numru ta’ implikazzjonijiet, stqarrijiet, allegazzjonijiet u akkuħi fil-konfront tagħha.

Waqt li sostniet li dawn l-akkużi huma nfondati, bla bażi u skorretti, Virtu Ferries qalet li tinsab urtaha għall-fatt li għalkemm hija membru tal-istess Kamra tal-Kummerċ din lanqas biss ikkonsultatha qabel attendiet għas-seduta u lanqas ma ħadet xi miżuri biex tivverifika l-allegazzjonijiet. “Għall-kuntrarju, bosta drabi l-Kamra tal-Kummerċ  tat miżinformazzjoni u saħansitra żvijat, b’mod intenzjonali, lill-Kumitat in kwistjoni”.

Virtu Ferries qalet ukoll li l-persuna li ġiet preżentata lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji bħala ‘stakeholder’ u “espert” m’hu ħadd ħlief aġent tal-unika kompetitur tagħha fis-servizzi tat-trasport bejn Malta u l-Italja. Waqt li qalet li huwa naqas milli jiddikjara dan il-kunflitt ta’ interess ċar, Virtu Ferries qalet li hu spiċċa biex ta informazzjoni skorretta. Huwa mhux biss għamel hekk imma kien inkonsistenti fejn l-ewwel ta x’jifhem li hu favur suq miftuħ u ftit tal-mumenti wara tkellem bil-maqlub.

Virtu Ferries sostniet li huwa evidenti li l-Kamra Parlamentari dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji hija favur proċessi u sistemi aktar burokratiċi għall-importazzjoni meta fil-kuntest ta’ suq komuni fl-Unjoni Ewropea mhux talli dawn l-affarijiet ma jistgħux isiru iżda jiksru trattat ta’ l-istess Unjoni.

Il-kumpanija Virtu Ferries tat lista ta’ raġunijiet biex tirribatti dak li qalu l-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija u semmiet kif talbet ukoll li jkollha l-opportunità tiltaqa’ mal-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex tipperżentalha l-pożizzjoni tagħha.

Hija qalet ukoll li saru dikjarazzjonijiet lil Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, kif ukoll fil-media, li jimplikaw li l-Virtu Ferries ma tikkoperax mal-awtoritajiet regolatorji, fosthom li ma jintbagħatx il-manifest tal-vjaġġi li jsiru.

Għal darba oħra qalet il-kumpanija, dan mhux minnu, il-manifest relattiv għal kull tluq jew wasla tal-katamaran jintbagħat lill-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani, fosthom id-Dwana, il-Capitaneria di Porto, il-Guardia di Finanza, lis-Seaport Police, Customs Intelligence u l-Immigration Police. Barra minn hekk il-Virtu Ferries għandha wkoll “Information Sharing Agreement” mal-Pulizija ta’ Malta.

Sadanittant, qalet li kienet qed iżżomm lil Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija responsabbli għad-danni li tista’ issofri minħabba l-imsemmija allegazzjonijiet.