Kultura Lokali

Attentat biex ikunu stabbiliti tliet rekords ġodda fil-“Battle of Fire” fil-Marsa

Is-Sezzjoni Nar fi ħdan l-Għaqda Festi Esterni Santissima Trinità tal-Marsa qed tagħmel l-aħħar preparamenti biex tippreżenta l-ewwel edizzjoni tal-ispettaklu piro-mużikali bl-isem ta’ “Battle of Fire”, li se ssir is-Sibt li ġej qrib il-Knisja tat-Trinità fil-Marsa. L-avveniment se jkun qed isir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet kbar li qed ikunu organizzati fl-okkażjoni tal-Festa Titulari tas-Santissima Trinità, li se tkun iċċelebrata fil-Parroċċa tal-Marsa l-Ħadd li ġej.

F’konferenza tal-aħbarijet, il-PRO tal-Għaqda Raphael Borg ta aktar dettalji dwar din l-attività u fisser kif din se tkun l-ewwel darba li l-Parroċċa tas-Santissima Trinità se tkun qed toffri lir-residenti tagħha u lill-eluf ta’ dilettanti tan-nar mxerrdin madwar il-gżejjer Maltin spettaklu pirotekniku uniku. Barra minhekk, din se tkun ukoll okkażjoni fejn se jsir attentat li jkunu stabbiliti mhux anqas minn tliet rekords ġodda Maltin. Dan għax se jkun esebit nar tal-art u tal-ajru sinkronizzat mal-mużika, l-itwal fustun maħdum bin-nar, kif ukoll l-itwal ammont ta’ ħin ta’ laser sinkronizzat man-nar u l-mużika.

Is-sistema li se tintuża’ hi dik magħrufa bħala l-pyro-master, jiġifieri sistema diġitali b’teknoloġija mingħajr fili, żviluppata u mibnija f’Malta. Dan kollu se jibda għall-ħabta ta’ 12am wara marċ brijuż mill-Banda Santa Marija tal-Mosta. L-organizzaturi ħasbu wkoll għad-dilettanti tal-futbol li jkunu jixtiequ jsegwu l-logħba mit-Tazza tad-Dinja bejn l-Italja u l-Ingilterra. Dakinhar bil-lejl, fl-istess pjazza, se jkunu armati screens kbar biex wieħed isegwi l-logħba li se tixxandar b’mod dirett.