Mill-aħħar elezzjoni ġenerali, u b’ċerta qawwa wara l-elezzjoni Ewropea, il-Partit Laburista qed imexxi l-argument li, wara żewġ rebħiet kbar tiegħu, l-Oppożizzjoni għandha tagħlaq ħalqha u, jekk tiftħu, tiftħu biss biex toqgħod tfaħħar ‘il-Gvern.
Id-demokrazija vera tagħti rwol importanti lil Oppożizzjoni
Dan hu argument perikoluż li jattakka l-essenza tad-demokrazija. Għax demokrazija ma tfissirx biss li jmexxi min jirbaħ il-maġġoranza tal-voti – argument li f’Malta l-Labour aċċettah biss fl-1987 – imma wkoll li l-minoranza tkun rappreżentata sewwa u l-Oppożizzjoni jkollha l-ispazju kollu biex taqdi r-rwol importanti tagħha.
L-Oppożizzjoni trid iżżomm lill-Gvern responsabbli
Sistemi politiċi bħal tagħna jagħtu importanza kostituzzjonali lill-Oppożizzjoni. U dan mhux għaż-żina, imma għax l-Oppożizzjoni trid tirrappreżenta lill-minoranza li vvutatilha, dak li tħoss li hu ħażin tikkritikah, tiddeċiedi hi x’tikkritika, u żżomm lill-Gvern responsabbli għal flus il-poplu li jonfoq u għal-liġijiet li jorbtu ‘l kulħadd.
Tkun leali lejn il-pajjiż meta taqdi dmirha ta’ Oppożizzjoni
F’xi pajjiżi tal-Commonwealth, lill-Oppożizzjoni jagħtuha isem ieħor ukoll, l-Oppożizzjoni leali, b’enfasi li għax l-Oppożizzjoni tikkritika lill-Gvern u tara li jonfoq flus il-poplu sew, ma jfissirx li mhijiex leali lejn l-Istat jew lejn il-pajjiż anzi, tkun leali lejn il-pajjiż proprju meta taqdi d-dmir tagħha ta’ Oppożizzjoni.
Argument li jhedded lil kull minoranza
Min jaċċetta l-argument li ħadd ma jista’ jikkritika Gvern li jkollu maġġoranza kbira, ikun qed jonqos lil kull minoranza. Għax kieku naċċettaw li minoranza ta’ 43 fil-mija trid toqgħod kwieta, inkunu qed ngħidu lill-minoranzi iżgħar – ta’ 10 jew 5 jew 2 fil-mija – li allura huma jridu jħitu ħalqhom.
Il-minoranza xorta tħallas it-taxxi u tobdi l-liġijiet li ma taqbilx magħhom
F’pajjiż liberu u demokratiku veru, il-minoranza jkollha d-dmir tleħħen ix-xewqat u tiddefendi d-drittijiet ta’ min ma jaqbilx mal-Gvern. Għax il-minoranza xorta trid tħallas it-taxxi u xorta trid tobdi l-liġijiet anke jekk ma tkunx taqbel magħhom.
Mentalità totalizzanti li xettlet argument perikoluż
L-argument li qed jagħmel il-Labour hu perikoluż aktar meta wieħed iqis il-mentalità li xettlitu, li hi l-mentalità li l-Gvern hu l-Istat u hu l-pajjiż – mentalità li tittotalizza u li qed twassal lil-Labour, pereżempju, biex ineħħi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Rwol importanti għal Oppożizzjoni speċjalment meta Gvern jitlagħlu għal rasu
Il-libertà u l-pluraliżmu jeħtieġu l-maqlub tal-mentalità totalizzanti: jeħtieġu t-twettiq tal-idea essenzjali tad-demokrazija li l-minoranza jkollha l-ispazju kollu biex hi ssir maġġoranza, kif il-maġġoranza tal-lum darba kienet minoranza. U r-rwol importanti tal-Oppożizzjoni joħroġ aktar meta l-Gvern jibda juri li qed jitlagħlu għal rasu, jaħseb li ħadd ma jista’ jmaqdru, u saħansitra jneħħi l-elezzjonijiet tal-kunsilli qisu mhu xejn.