Futbol Internazzjonali Sport

Brażil: Il-pajjiż lest għat-Tazza tad-Dinja – il-President Rousseff

Il-pajjiż jinsab lest, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-grawnd. Sostniet dan il-President tal-Brażil Dilma Rousseff, f’messaġġ televiżiv anqas ftit sigħat bogħod minn meta jingħata bidu għat-tournament tat-Tazza tad-Dinja, fl-isfond ta’ sena sħiħa ta’ protesti vjolenti u strajks ordnati mill-unions.

Il-President Rousseff ċaħdet il-kritika dwar in-nefqa ta’ $11-il biljun u qalet li t-Tazza tad-Dinja wasslet biex isir investiment qawwi fl-infrastruttura, li se jgawdi minnha kulħadd. Hi qalet li mhux veru li din in-nefqa saret għas-spejjeż tal-investiment fis-Saħħa u fl-Edukazzjoni.

Rousseff sostniet li l-baġit għal dawn iż-żewġ oqsma bejn l-2010 u l-2013 kien ferm akbar mill-ammont minfuq fuq it-Tazza tad-Dinja u l-kontijiet tat-Tazza tad-Dinja huma taħt l-iskrutinju tal-istituzzjonijiet tal-awditjar u l-verifika.