“Mingħajr ebda dubju l-akkużat kien taħt aġitazzjoni stantanja, kien fi stat mitluf, kif ra l-Marixall li kien preżenti fl-Awla tal-Qorti, ra s-saħna tad-demm li kellu. Din ma jagħżilx xi ħadd li jiġi hekk, iżda xi ħaġa li tiġri. Mhux qed ngħidilkom illiberawh, iżda l-verità hi li Cefai kkaġuna ferita gravi fuq Portelli fis-saħna tad-demm u dak hu l-verdett li joħroġ. Dan kollu seħħ fl-isfond tal-kundizzjonijiet li kellu mill-Qorti Ċivili għax il-vittma kien se joqtollu l-familja bil-ġuħ bis-sekwestru ta’ żewġ vetturi tiegħu”.
Din hi t-teżi tad-Difiża, spjegata lill-ġurati mill-Avukat tad-Difiża Edward Gatt. Dwar il-ferita gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, l-Avukat Gatt qal li din kienet biss ferita fil-minkeb u anke t-Tabib Espert Mario Scerri lanqas biss ikklasifika l-ferita għax il-ferita gravi tkun trid tkun viżibbli u ġġib stmerrija u tkun fl-idejn, fl-għonq u fil-wiċċ. Il-minkeb u d-dirgħajn ma’ jagħmlux parti minn dan kollu u l-ferita ta’ Mompalao hi ferita’ ħafifa u mhux waħda gravi, sostna Gatt, li kompla jgħid li din il-ferita saret b’mod volontarju, jew kif ingħad fix-xhieda b’mod involontarju.
Dwar il-ferita ħafifa fuq il-Marixxall, l-Avukat tad-Difiża qal li dan kien każ involontarju per eċċellenza meta inċidentalment waqgħet fuqu l-iżgambella tal-Awla.
Aktar kmieni …
Id-Difiża tibda bil-provi fil-ġuri dwar l-attentat ta’ qtil fil-Qorti ta’ Għawdex
Wara li lbieraħ filgħaxija l-Prosekuzzjoni temmet il-provi bl-aħħar xhieda tagħha, l-Erbgħa filgħodu l-ġuri kompla bl-Avukat Edward Gatt jibda bid-difiża tiegħu fil-każ ta’ Pasqualino Cefai, ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex, li quddiem l-Imħallef Michael Mallia qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, ukoll miż-Żebbuġ Għawdex. Cefai qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, ta’ 56 sena miż-Żebbuġ ukoll. Il-każ kien seħħ f’Awla tal-Qorti ta’ Għawdex f’Ġunju 2012, meta allegatament Cefai ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli.
L-Avukat Gatt qal lill-ġurati biex japprezzaw il-fatt li l-punt li l-inċident seħħ f’Awla tal-Qorti ma jagħmilhiex agħar milli kieku l-każ seħħ xi mkien ieħor. Kompla jgħid li dak li sar mhux sew iżda wieħed irid jevalwa l-fatti kif inhuma. Hu kkritika d-diskors li sar fir-Rekwiżitorja tal-Prosekutur, l-Avukat Lara Lanfranco, li qalet li l-Avukat Ġenerali joħroġ il-fatti u jkun ċert minn dak li jkun seħħ qabel ma joħroġ l-akkużi.
L-Avukat Edward Gatt staqsa x’għandhom jgħidu d-diversi persuni li ħarġu lliberati minn dak li jkun ħaseb l-Avukat Ġenerali. Fiehem ukoll lill-ġurati dwar id-dritt tas-silenzju tal-akkużat, li jgħodd għal kull ċittadin Malti meta jiġi għal proċeduri bħal dawn. Dan hu dritt nobbli u ħadd m’għandu jitkellem dwaru għax hi l-Prosekuzzjoni li trid tipprova kollox. Gatt qal li l-akkuża maħruġa mill-Avukat Ġenerali tagħti x’tifhem li kien hemm xi ħadd li ntervjena qabel ma l-akkużat waqaf iħebb għall-vittma. Tenna li dan mhux minnu għax ħadd ma waqqaf lil Cefai, iżda dan waqaf minn jeddu mill-aggressjoni. Għalhekk l-intenzjoni ta’ attentat ta’ qtil ma kienx hemm.
Pasqualino Cefai qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, fejn minbarra dik ta’ attentat ta’ qtil hemm ukoll akkużi għall-feriti ta’ natura gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, feriti ħfief fuq il-Marixxall Michelangelo Bajada, li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr għan leġittimu u arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Għal Cefai qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella.
//= $special ?>