Lokali

Il-Passaport Malti qiegħed “bis-Sale” – Bloomberg

“Iċ-Ċittadinanza qed issir xi ħaġa li tista’ tixtriha waqt safra, daqs li kieku qed tixtri xi ġojjelli”. Hekk iddeskriva l-bejgħ ta’ Passaporti minn Malta u pajjiżi oħrajn mar-rivista Bloomberg avukat ta’ ditta legali internazzjonali bbażata f’Londra. L-aħħar edizzjoni ta’ din ir-rivista għandha artiklu dwar l-iskemi varji offruti minn ħames pajjiżi, fosthom Malta, b’ritratt kbir ta’ Passaport Malti bi sticker bil-kelma “Sale” fuqu jiddomina l-paġna.

Bloomberg tgħid li l-bejgħ taċ-Ċittadinanza kienet xi ħaġa assoċjata mal-pajjiżi tal-Karibew bħal Antigua u Barbuda u St Kitts & Nevis, li ilhom jagħmlu hekk għal dawn l-aħħar 30 sena. Iżda f’din l-aħħar sena, tkompli Bloomberg, aktar pajjiżi li qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina qed jidħlu għal skemi bħal dawn. Dwar l-iskema ta’ Malta, Bloomberg tikkummenta li għalkemm hemm l-obbligu li dak li jkun jgħix f’Malta, fir-realtà dan l-obbligu hu flessibbli ħafna. Interessanti li l-kummenti dwar l-iskemi varji f’dan l-artiklu saru minn Christian Kalin, li hu Uffiċjal Għoli ta’ Henley & Partners, li qed iħaddmu l-iskema Maltija.

Fl-aħħar sigħat sar magħruf li applikaw madwar 100 persuna biex jixtru Ċittadinanza Maltija fl-iskema mħaddma minn Henley, li bejniethom nefqu madwar €100 miljun. Madankollu, il-Gvern sal-lum għadu qed ikaxkar saqajh u ma jridx jippubblika l-kuntratt li ffirma ma’ Henley & Partners. Dan minkejja li fl-aħħar jiem sar magħruf li l-kumpanija barranija stess ma ssib l-ebda oġġezzjoni li dan il-kuntratt jiġi ppubblikat.