Fl-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna Ta’ Pinu, iċċelebrata fit-22 ta’ Ġunju, bejn l-20 ta’ Ġunju u s-26 ta’ Lulju qed tittella’ Wirja ta’ Arti Sagra bl-isem “Via Pulchritudinis: It-Triq tas-Sbuħija” fil-Mużew Dar Karmni Grima fl-Għarb. Il-Kuratur ta’ din il-wirja hu Dun Charles Cini sdb, filwaqt li l-artisti li se jieħdu sehem huma Martin Attard, Noel Attard, John Martin Borg, Amedeo Brogli, Austin Camilleri, Paul Camilleri Cauchi, Anthony Caruana, Justin Falzon, Manuel Farrugia, Sergio Favotto, Loreta Grech, John Grima, Vincent Mangani, Daniel Scerri, Frank Schembri, George Scicluna u Paul Stellini.
L-għan prinċipali wara din il-wirja hu li jingħata spazju lil dawn l-artisti biex jesponu s-sbuħija tal-arti sagra u fl-istess ħin jinġabru fondi għall-Proġett tas-Santwarju Ta’ Pinu, li għadu kemm inbeda f’dawn l-aħħar xhur. Dan il-proġett ġie maħsub biex ikompli jkabbar il-faċilità li s-Santwarju Ta’ Pinu jissokta jkun post ta’ serħan il-qalb għal dawk kollha li jżuruh. Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ parkeġġ, li diġà beda, kif ukoll Ċentru tal-Viżitaturi, ir-restawr taz-Zuntier tas-Santwarju billi jitpoġġew fuqu l-20 Misteru tar-Rużarju, id-Dar tal-Irtiri u t-tħawwil ta’ siġar Bibliċi tul l-Għolja Ta’ Għammar fejn tinsab il-Via Sagra, flimkien mar-restawr ta’ dawn l-istatwi. S’issa diġà tħawlu madwar 150 siġra minn dawn.
Għal dan il-proġett, is-Santwarju Ta’ Pinu jrid jaħseb jipprovdi l-fondi neċessarji kollha u mhux minnu li s-Santwarju għandu xi fondi Ewropej għal dan il-proġett. Il-fondi Ewropej kienu nkisbu mis-Santwarju Ta’ Pinu biex sar ir-restawr ta’ 10 pitturi ta’ Ġużeppi Brifa u għar-restawr tad-Dar ta’ Karmni Grima, fi proġett li ngħalaq u llum din id-dar hi miftuħa bħala Mużew.
Inċiżjoni
Żgur li attrazzjoni oħra fil-Wirja “Via Pulchritudinis” se tkun l-Inċiżjoni tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu (ritratt). Din l-inċiżjoni saret mill-artist Justin Falzon, f’edizzjoni limitata ta’ 99 kopja. Kull kopja hi stampata fuq karta bajda Magnani u kull waħda hi nnumerata u ffirmata bil-lapes mill-artist innifsu. Id-daqs tal-karta hu ta’ 35×50ċm, filwaqt li d-daqs tal-pjanċa tar-ramm li fuqha saret l-inċiżjoni hu ta’ 22×31ċm. L-artist juża’ żewġ kwalitajiet differenti ta’ teknika: l-inċiżjoni u s-softground.
Il-Mużew Dar Karmni Grima, li fih qed tittella’ din il-wirja, ikun miftuħ għall-pubbliku mit-Tlieta sas-Sibt bejn id-9am u l-4pm, kif ukoll fil-Ħdud u l-Festi Pubbliċi bejn id-9am u n-12.30pm.
//= $special ?>