Lokali

Imfakkra l-ewwel sitt vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta

Pajjiżna llum fakkar lill-ewwel sitt vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta, 74 sena ilu. F’ċerimonja qasira qrib il-Monument iddedikat lilhom fil-Forti Sant’Iermu, tfakkaru l-Bumbardier Joseph Galea, il-Gunner Michael Angelo Saliba, il-Gunner Richard Micallef, il-Gunner Carmel Cordina, il-Gunner Paul Debono u t-tfajjel Philip Busuttil.

Dan hekk kif kien għall-ħabta tas-6.55am tal-11 ta’ Gunju 1940, ftit sigħat wara li l-Italja Faxxista ddikjarat gwerra kontra l-alleati, li 10 bombers tal-għamla Savoia Marchetti tal-qawwa tal-ajru Taljana ħabtu għal Malta u attakkaw il-Port il-Kbir, Kalafrana u Ħal Far.

Kien dan l-ewwel attakk fuq il-Forti Sant’Iermu li ħalla dawn is-sitt vittmi, li kienu membri tar-Royal Malta Artillery. Fost dawk li ħelisha hafif kien hemm l-Uffiċjal Mediku Ċensu Tabone, li kważi 50 sena wara sar ir-raba’ President ta’ Malta. B’kollox kienu saru seba’ attakki mill-ajru f’dan l-ewwel jum ta’ Gwerra għall-Gżejjer Maltin.

Is-sitt vittmi kienu mfakkra fiċ-ċerimonja qasira organizzata mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li bħalissa għaddejja bl-aħħar fażi ta’ xogħolijiet ta’ restawr fuq il-Forti, li se jinbidel f’Mużew dwar l-Istorja Militari. Għaċ-ċerimonja attendew assoċjazzjonijiet tal-veterani tal-Gwerra, rappreżentanti tal-Korp tal-Pulizija u anke tal-Forzi Armati ta’ Malta.

F’diskors qasir, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din iċ-ċerimonja ta’ tifkira se tibqa’ ssir kull sena. Ħabbar ukoll li sal-aħħar tas-sena se jkun tlesta x-xogħol fuq il-Forti Sant’Iermu biex b’hekk jgħaddi f’idejn Heritage Malta u jkun inawgurat il-Mużew tal-Istorja Militari. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fl-2012 bi spiża ta’ €15-il miljun iffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.