Internazzjonali

Iraq: Militanti Iżlamiċi jieħdu l-kontroll ta’ Mosul b’mijiet ta’ eluf jaħarbu minn djarhom

Fl-Iraq, mijiet ta’ eluf ta’ persuni kellhom jaħarbu minn djarhom fil-belt ta’ Mosul, fit-tramuntana tal-pajjiż, wara li militanti Iżlamiċi ħadu l-kontroll tal-belt. Mijiet ta’ militanti tal-grupp magħruf bħala “Stat Iżlamiku tal-Iraq u l-Lvant” attakkaw il-belt, bit-truppi regolari tal-Gvern f’Baghdad kellhom jirtiraw.

Il-Prim Ministru tal-Iraq Nouri al-Maliki talab lill-Parlament jiddikjara Stat ta’ Emerġenza biex jingħata aktar setgħat u jkun jista’ jwieġeb għal din it-theddida. Min-naħa tiegħu, Kelliem għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal li dan l-attakk hu turija ċara kif dan il-grupp, li hu wkoll attiv fis-Sirja, hu theddida serja għall-istabbiltà fir-reġjun.