Futbol Sport

L-organizzaturi qatt ma tilfu l-logħba tal-ftuħ

L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja l-Brażil għada fl-10 p.m. jiftħu t-turnament fl-Arena Corinthians f’Sao Paulo b’logħba kontra l-Kroazja. Il-Brażil mistenni li jegħleb lill-Kroazja u jibda fuq nota tajba biex iżomm it-tradizzjoni, imma probabbilment mhux se jsibha faċli għaliex it-tim ta’ Nico Kovac ġej minn ħames riżultati pożittivi.

Il-pajjiż organizzatur qatt ma tilef il-logħba tal-ftuħ għaliex mill-edizzjonijiet kollha l-organizzaturi rebħu 14 u ġew draw f’sitta.

Il-Brażil rebħu 15 mill-aħħar 16-il partita bit-telfa 1-0 kontra l-Iżvizzera f’partita ta’ ħbiberija f’Basel l-unika eċċezzjoni.

L-aħħar li ltaqgħu mal-Kroazja kien fit-Tazza tad-Dinja tal-2006. Dakinhar il-Braċil kellu attakk qawwi ffurmat minn Ronaldo, Kaka, Adriano u Ronaldinho. Imma kien biss Kaka li rnexxielu jissupera lill-gowlkiper Pletikosa għal rebħa minima 1-0.

Imma dan kien tmien snin ilu, u issa Pletikosa jrid iħabbat wiċċu ma’ plejers bħal Neymar, Hulk u Fred. Din id-darba kollox jindika li l-Braċil għandu wisq qawwa offensiva kontra difiċa pjuttost instabbli bħalma hi dik Kroata.

Il-probabbilta` hi li Luis Felipe Scolari jibda bl-istess ħdax li bdew fl-aħħar erbgħa mill-ħames partiti s-sajf li għadda u li rebħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Neymar, li fl-aħħar sigħat ta ħasda lill-Brażil kollu meta waqa’ ħażin fuq l-għaksa (għalkemm aktar tard irriżulta li ma kien hemm xejn gravi), jibda wara Fred flimkien ma’ Oscar u Hulk bħala midfielders offensivi.

Il-kowċ tal-Kroazja Niko Kovac m’għandux dan il-lussu u Danijel Pranjic mhux mistenni jibda wara li weġġa’ l-għaksa fl-aħħar logħba ta’ preparazzjoni kontra l-Awstralja f’Salvador fi tmiem il-ġimgħa.

Id-difensur ta’ Pnathinaikos ingħaqad mad-difensur xellugi Ivan Strinic li wkoll hu mweġġa’ imma kuntrarju għall-plejer ta’ Dnipro, baqa’ mal-iskwadra b’ċans żgħir li jilgħab.

L-attakkant ta’ Genoa, Sime Vrsaljko jinsab għal-lest biex jieħu post Pranjic għalkemm Vedran Corluka jista’ jmur mal-linja b’Domagoj Vida ta’ Dynamo Kiev jieħu pożizzjoni ta’ difensur ċentrali.

Nikica Jelavic aktarx li jmexxi l-attakk wara li l-attakkant ta’ Hull City skorja l-uniku gowl kontra l-Awstralja. Dan peress li Mario Mandzukic, li din il-ġimgħa ħabbar li żmienu ma’ Bayern Munich għadda, jinsab sospiż għall-ewwel logħba talli kien tkeċċa fil-play-off kontra l-Iċlanda f’Novembru.

Imma Kovac, li kien captain tal-Kroazja fl-edizzjoni tal-2006 fil-Ġermanja u li wkoll kienu bdewha kontra l-Brażil, almenu għandu lil Rakitic u Luca Modric fil-midfield b’Eduardo, Mateo Kovacic u Ivan Perisic kollha lesti biex jingħaqdu magħhom f’midfield iffullat ta’ ħames plejers.

Jekk il-Kroati jkunu kapaċi jwaqqfu l-Brażil milli jiddiominaw il-pussess ikunu għamlu pass importanti.
In-nuqqas ta’ Mandzukic jista’ jwassal lil Kovac biex jimmodifika l-pjan tal-logħba u jkun aktar difensiv biex jopera bil-kontra-attakk fejjn se jsibu l-morsa kbira tal-koppja ċentrali difensiva tal-Braċil, David Luiz u Thiago Silva.

Il-Kroati jafu li m’humiex favoriti għal-logħba imma mhux se jċedu ċgur. Bi skwadra mimlija veterani li bejniethom lagħbu aktar minn 1,000 logħba man-nazzjonal jafu x’għandhom jagħmlu.

Formazzjonijiet probabbli
Brażil (4-3-3): Julio Cesar, Dani Alves, Marcelo, Thaigo Silva, David Luiz, Luiz Gustavo, Paulinho, Oscar, Hulk, Neymar, Fred.

Kroazja (4-2-3-1): Pletikosa, Srna, Lovren, Corluka, Vrsaljko, Modric, Vukojevic, Perisic, Rakitic, Kovacic, Olic.