Wara li t-Tlieta filgħaxija l-Prosekuzzjoni temmet il-provi bl-aħħar xhieda tagħha, l-Erbgħa filgħodu l-ġuri li ghaddej bhalissa fil-Qorti kompla bl-Avukat Edward Gatt jaghmel id-difiża tiegħu tal-każ li fih Pasqualino Cefai ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex, qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, wkoll miż-Żebbuġ Għawdex.
Il-każ kien seħħ f’awla tal-Qorti ta’ Għawdex f’Ġunju ta’ sentejn ilu fejn allegatament Cefai ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli.
L-Avukat Gatt qal li l-akkuża maħruġa mill-Avukat Ġenerali tagħti x’tifhem li kien hemm xi ħadd li intervjena qabel ma l-akkużat waqaf iħebb għall-vittma. Tenna li dan mhux minnu, għax ħadd ma waqqaf lil Cefai, dan waqaf minn jeddu mill-aggressjoni. Għalhekk l-intenzjoni ta’ attentat ta’ qtil ma kienx hemm.
Pasqualino Cefai qed jiġi akkużat b’ħames kapi ta’ akkuża, fejn minbarra dik ta’ attentat ta’ qtil hemm feriti ta’ natura gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, u feriti ħfief fuq il-Marixall Michelangelo Bajada
Dakinhar tal-kaz kienet qed tinstema’ kawza ċivili bejn Cefai u Portelli quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli. F’ħin minnhom, il-Maġistrat Demicoli kienet ordnat lil Cefai joħroġ mill-Awla minħabba l-atteġjament ostili tiegħu.
Allegatament ftit tal-ħin wara, Cefai reġa’ daħal fl-awla u ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli.
Irriżulta li Joseph Portelli kien fil-periklu li jitlef ħajtu kaġun tad-diversi daqqiet li qala’ bil-mus li kollha ġew ċertifikati bħala feriti gravi. Mill-investigazzjoni rriżulta wkoll li l-akkużat u l-vittma kellhom diversi każi fil-Qorti kontra xulxin fosthom kawża fejn Portelli bħala kreditur ta’ Cefai kien talab is-sekwestru ta’ vetturi fuq isem l-akkużat minħabba dejn dovut lilu.
L-akkuża tgħid ukoll li grazzi għall-immedjatezza tal-invervent mediku kif ukoll għall-kura li ngħtaw lil Portelli fl-isptar, u għalhekk għal raġunijiet independent u aċċidentali mir-rieda tal-imsemmi Pasqualino Cefai, li Portelli ma tilifx ħajtu.
L-Avukat Lanfranco f’isem il-prosekuzzjoni qalet li l-fatt li Cefai hebb għall-vittma b’sikkina ma jagħmilx l-offiża aktar serja f’għajnejn il-liġi, iżda l-aġir tiegħu juri bil-volumi l-karattru tiegħu. Saħqet li Portelli ma’ qalax daqqa jew tnejn, imma 14-il waħda. “Taħsbu li Cefai ried iweġġa’ biss lil Portelli?,” staqsiet l-Avukat Lanfranco.
Għal Cefai qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella. Il-guri issa qed joqrob lejn tmiemu hekk kif il-Hamis mistennija ssir il-kontro-replika tal-Prosekuzzjoni u l-indirizz mill-Imhallef qabel ma l-gurati jintbaghtu jiddeliberaw.
//= $special ?>

