Futbol Sport

Pirlo jfittex l-għajnuna għand id-direttur spiritwali

L-aħjar plejer tal-Italja jinsab imbeżża’ dwar il-prestazzjoni tiegħu f’din it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil u fittex komfort fil-qassis tat-tim.

Andrea Pirlo kellu laqgħa ta’ kriżi mad-direttur spiritwali tal-iskwadra nazzjonali, Don Massimiliano Gabricci fost tħassib kbir dwar il-prestazzjonijiet tiegħu.

Pirlo fetaħ qalbu dwar it-tkissir taż-żwieġ tiegħu ma’ Deborah Roversi wara li ltaqa’ mas-sieħba l-ġdida l-bjondija Valentina Baldini fil-klasbb tal-golf fejn jattendi.

Il-playmaker Taljan iħoss li l-intriċċi fil-ħajja privata tiegħu jista’ jkolhom effett fuq il-wirjiet tiegħu fil-Brażil, partikolarment fl-ewwel logħba kontra l-Ingilterra l-Ħadd.

Pirlo li għandu 35 sena kien ħarbat lill-Ingliżi fil-Euro tal-2012 għalkemm issa, kwalunkwe kriżi ta’ fiduċja tista’ tkun aħbar tajba għat-tim ta’ Roy Hodgson.
Sar magħruf li waqt it-taħriġ f’Coverciano, qabel it-tim ħalla l-Italja lejn il-Brażil, Pirlo u l-gowlkiper Gianluigi Buffon, li dan l-aħħar ukoll issepara minn mal-mara tiegħu, il-mudella Alena Seredova, kienu prijorita` għal Don Massimiliano.

L-istess qassis ipprova wkoll itaffi ftit l-ansjeta` tal-attakkant Alessio Cerci li tgħidx kemm beka fil-pitch wara li falla l-penalty kruċjali fl-aħħar logħba tas-Serie A.

F’kumment li ta lil Rai Sport, Don Massimiliano qal, “Ikkonfortajt lil Cerci l-Ħadd filgħaxija. Hu bniedem emozzjonali u sensittiv ħafna. M’għandux għalfejn jistħi għall-iżball li għamel. Din hi l-ħajja u dan hu l-futbol. Hi ħasra imma se mmorru tajjeb fit-Tazza tad-Dinja.”
Id-Direttur spiritwali tat-tim li hu ħabib kbir tal-kowċ Cesare Prandelli, qaddes quddiesa għat-tim f’ċerimonja ta’ tberika qabel l-iskwadra marret il-Brażil.

“Ninsab konvint li l-Italja se jkollha Tazza tad-Dinja mill-aqwa. Jien inħossni ħartio mit-tim. Dejjem nattendi għat-trianing camp f’Firenze. Nipprova ntihom parir u ngħdilhom biex jittrattaw din l-esperjenza bħala avventura enormi. Għandhom ħafna fuq spallejhom u jridu jkunu sereni u kuntenti. Naħseb li kolha huma nies twajba u aħjar minn uħud mill-parruċċani li għandi.”

Il-qassis mhux qed jakkumpanja lit-tim fil-Brażil imma qed jipprovdi għajnuna spiritwali permezz ta’ sms’s.
Pirlo ilu miżżewweġ lil Roversi għal 13-il sena u għandhom żewġt itfal. Id-divorzju kien rappurtat li qed jiswa lil Pirlo 55,000 ewro fix-xahar.

Buffon ħabbar is-separazzjoni tiegħu minn mal-mara Seredova, eks Miss Repubblika Ċeka, waqt it-training camp qabel it-tim telaq lejn il-Brażil.


Kuntratt ġdid ma’ Juventus

Sadanittant Andrea Pirlo ffirma kuntratt ġdid ta’ sentejn ma’ Juventus wara li l-kuntratt li kellu kien mistenni jintemm fi tmiem dan ix-xahar u issa se jibqa’ maċ-Champions Taljani sal-2016.

Pirlo kien sieħeb lil Juventus mingħand Milan f’Mejju tal-2011 u kien strumentali biex it-tim rebaħ tliet kampjonati konsekuttivi.

“L-Istorja fantastika ta’ Andrea Pirlo u Juventus se tkompli” qal il-klabb fi stqarrija.

Pirlo lagħab 131 logħba ma’ Juventus u skorja 14-il gowl.