Skont rapporti fil-media lokali, il-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi jinsab fi Spanja biex jinnegozja ma’ wieħed mit-tliet konsorzja, l-uniku wieħed barrani, li tefgħu l-offerta u ġew shortlisted biex iħaddmu s-servizz tat-trasport pubbliku wara t-tluq tal-Arriva. Skont l-istess rapport f’ġurnal bl-Ingliż, jidher li l-Ministru Mizzi qabad u mar Spanja biex jinnegozja mal-konsorzju barrani deskritt bħala “l-preferut” li jieħu l-offerta, filwaqt li l-Gvern qatt ma ltaqa’ maż-żewġ konsorzja l-oħrajn Maltin biex jiddiskuti l-offerta tagħhom.
Il-kumpanija Spanjola, li magħha jidher li qed jinnegozja l-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, jisimha Autobuses Urbanus de Leon. F’April li għadda, MaltaRightNow.com żvela kif wara li għalqet is-sejħa għall-offerti, u minkejja l-ftaħir kollu tal-Gvern dwar interess qawwi f’din is-sejħa, din l-unika kumpanija barranija li esprimiet l-interess li tħaddem it-trasport pubbliku f’Malta hi kumpanija żgħira provinċjali.
L-Autobuses de Leon fil-fatt toffri servizz tat-trasport pubbliku fi provinċja Spanjola wahda, il-provinċja ta’ Leon, u tħaddem ftit aktar minn 100 persuna. F’sena d-dħul ta’ din il-kumpanija jammonta għal ftit aktar minn $10 miljun (€8 miljun). Dawn iċ-ċifri huma ferm ‘il bogħod minn dawk tal-kumpanija Arriva, li kienet timpjega madwar 1,200 ħaddiem b’running costs ta’ madwar €72 miljun. Barra minhekk, Autobuses Urbanos de Leon hi sussidarja lokali tal-kumpanija tax-xarabanks ALSA, li min-naħa tagħha hi klassifikata bħala sussidarja fi Spanja tan-National Express Group tar-Renju Unit.
Iż-żewġ konsorzja lokali l-oħrajn, li jidher li s’issa l-Ministru Mizzi ma ħassx li kellu jiltaqa’ magħhom, huma l-Island Buses Malta ffurmat minn mill-anqas seba’ kumpaniji jew individwi, fosthom il-kumpaniji li jiffurmaw l-Unscheduled Bus Services (UBS), u konsorzju ta’ sidien Għawdxin, il-Gozo First Travel.
//= $special ?>

