Galatasaray ħabbru li temmew ir-relazzjoni mal-kowċ Roberto Mancini bi qbil bejn iż-żewġ naħat. Mancini inħatar kowċ ta’ Galatasaray f’Settembru minflok Fatih Terim u fl-ewwel sena tiegħu mal-klabb rebaħ is-Super Cup Torka u spiċċa fit-tieni post fil-kampjonat. Din l-aħbar hi waħda mhux mistennija għax jiem ilu l-istess Mancini kien stqarr li se jibqa’ mal-klabb għas-sentejn li ġejjin. Hu mifhum li Mancini se jingħaqad ma’ klabb Taljan, speċjalment wara li hu stess ammetta li qed iħoss in-nuqqas ta’ pajjiżu.
RIGA – It-tim ta’ The Championship Blackpool ħatru lil Jose Riga bħala l-manager il-ġdid tagħhom. Staġun ilu Blackpool bdew tajjeb sakemm ma sofrew telfa wara l-oħra u f’Jannar keċċew lill-manager Paul Ince. Barry Ferguson ħa post Ince b’mod temporanju u Blackpool salvaw bi ftit posthom f’The Championship. Post Ferguson se jkun qed jieħdu Riga, eks-kowċ ta’ Charlton Athletic. Ironikament, l-aħħar logħba ta’ Riga ma’ Charlton kienet ir-rebħa ta’ 3-0 kontra Blackpool.
SCHWEINSTEIGER – Rapporti fil-ġurnali Ingliżi qed isostnu li Manchester United se joffru s-somma ta’ 20 miljun lira sterlina għall-midfielder ta’ Bayern Munich Bastian Schweinsteiger. Il-manager il-ġdid tar-Red Devils Louis van Gaal se jingħaqad mal-klabb wara t-Tazza tad-Dinja u hu mifhum li Schweinsteiger hu wieħed mill-aktar players li jixtieq jakkwista. Minkejja li Schweinsteiger hu wieħed mill-aktar players importanti ta’ Bayern, jidher li issa hu il-waqt fejn dawn jistgħu jbiegħuh u jagħmlu kemxa flus minnu.
ICARDI – Inter akkwistaw in-nofs l-ieħor tal-attakkant Mauro Icardi. Icardi kien propjeta` ta’ Inter u ta’ Sampdoria u matul l-istaġun li għadda dan kien qed jilbes il-flokk ta’ Inter fejn magħhom skurja disa’ gowls fi 22 logħba.
REINA – Il-goalkeeper ta’ Liverpool Pepe Reina qal li hu possibbli li staġun ieħor jerġa’ jilgħab ma’ Napoli. Matul l-istaġun li għadda Reina kien misluf lil Napoli u magħhom rebaħ il-Coppa Italia u fil-kampjonat spiċċa fit-tielet post. Jidher li l-kowċ ta’ Liverpool Rodgers se jibqa’ jagħżel lil Simon Mignolet bħala l-goalkeeper titulari u f’kummenti li ta Reina dan qal li hu lest biex sena oħra jerġa’ jilgħab mal-klabb Taljan.
HAZARD – Il-midfielder ta’ Chelsea Eden Hazard żvela li bħalissa qed jiddiskuti mad-diriġenti kuntratt ġdid. Hazard ikkonferma li se jibqa’ ma’ Chelsea, anke jekk fl-aħħar ġimgħat kien hemm spekulazzjonijiet li dan kien se jitlaq minħabba disgwid mal-manager Jose Mourinho.
//= $special ?>

