Tlett ijiem biss wara li dan is-sit ħareġ l-istorja dwar l-istat diżastruz li tinsab fih Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat, ir-residenti Rabtin kif ukoll Dinglin irċivew ittra li fiha ġew infurmati li ttieħdet deċiżjoni li x-xogħol fuq din it-triq jibda minnufih.
F’din l-ittra, iffirmata mis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u l-Fondi Ewropej Ian Borg, jingħad li din it-triq kienet spiss fiċ-ċentru ta’ bosta kontroversji dwar min hu responsabbli għax-xogħlijiet. Ian Borg qal ukoll li jinsab persważ li r-residenti u n-nies li jużaw din it-triq ma jridux iktar battibekki.
Botta ċara u diretta għall-kwistjoni dwar taħt min taqa’ din it-triq, jekk hux il-Gvern jew inkella l-Kunsill Lokali b’maġġoranza laburista.
Fl-2011, Sandro Craus, dakinhar Sindku, kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet f’din it-triq fejn qal li din it-triq mhix responsabbilta’ tal-Kunsill immexxi minnu imma tal-Gvern. Dak iz-zmien kien hemm Gvern Nazzjonalista.
Imbagħad f’Ottubru li ghadda, din il-kwistjoni reġgħet qamet fil-Parlament fejn Craus gie mgiddeb mill-Ministru Joe Mizzi stess meta fi tweġiba parlamentari għal mistoqsija li saritlu mill-kelliem tal-Oppozizzjoni Toni Bezzina, wieġeb ċar u tond li Vjal il-Ħaddiem ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, u allura tal-Gvern, iżda tal-Kunsill Lokali kkonċernat’, jiġifieri l-Kunsill Lokali Laburista tar-Rabat.
Dwar din it-triq kienet tressqet ukoll mozzjoni mill-Kunsillier Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi biex jiġi diskuss l-istat li tinsab fih u x’jista’ jsir fil-futur qarib biex dan il-Vjal isirlu xogħol ta’ rikostruzzjoni. Din il-mozzjoni ġiet ippreżentata nhar id-29 t’April u kienet sekondata mill-Kunsillieri Stephen Borg u Rudolph Grima.
Fil-mozzjoni ssemma li l-istat diżastruż hu ta’ periklu għal kull min jgħaddi minn din it-triq. Dan qed iwassal biex qed issir ħsara f’vetturi li jgħaddu minnha u kien hemm ukoll nies li weġġgħu minħabba li waqgħu fil-ħofor. Kien hemm ukoll każi ta’ inċidenti kkawżati minn karozzi li ppruvaw jevitaw il-ħofor imma ħabtu f’karozzi oħra.
Il-mozzjoni ssemmi wkoll l-inkovenjent għar-residenti minħabba t-trabijiet u l-irwejjaħ tad-dranaġġ. Minbarra dan, ħafna vetturi u trakkijiet qed jużaw toroq oħra qalb il-bini, fosthom Triq Borġ Olivier – triq dejqa – u dan qed iwassal għal konġestjonijiet ta’ traffiku.
Ironikament, issa, bl-ittra li bagħat Ian Borg lir-residenti, biex jinfurmahom li ħargu t-tenders biex jibda x-xogħol li se jsir bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, u jwegħdhom li se jiżgura personalment li t-triq tinbena mill-ġdid, is-Segretarju Parlamentari qed imeri dak li qal il-Ministru Joe Mizzi u qed jerġa’ jammetti li x-xogħol fuq din it-triq hu responsabbilta’ tal-Gvern Centrali. Li se jkun hu li se jieħu ħsieb il-proġett.
//= $special ?>