Edukazzjoni Lokali

Titnieda l-istrateġija dwar l-“Early School Leaving” f’Malta.

Il-problema ta’ żgħażagħ li jħallu l-iskola t’eta’ żgħira u mingħajr kwalifiċi, hija problema kemxejn kbira f’pajjiżna. Kien għalhekk li l-Erbgħa filgħodu l-Ministeru tal-Edukazzjoni nieda l-istrateġija dwar l-“Early School Leaving” f’Malta.

Din l-istrateġija hi mmirata għal żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni sekondarja u li waqfu totalment jistudjaw jew jitħarrġu.

Dettalji dwar din l-istrateġija ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-iskola sekondarja tal-bniet f’Tal-Ħandaq, li tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju. Matul din il-konferenza ġie spjegat kif pajjiżna poġġa mira ambizzjuża li sal-2020 il-persentaġġ ta’ “early school leavers” jinżel għal 10%.

Bejn l-2009 u l-2013 pajjiżna diġa’ għamel progress tajjeb u dan il-persentaġġ niżel għal 20.9%. Imma minkejja li qed jonqos b’rata mgħaġġla, xorta dan l-ammont għadu ferm ‘il bogħod mill-medja ta’ 11.9% fl-Unjoni Ewropeja.

Biex dan l-ammont ta’ “early school leavers” ikompli jonqos, l-istrateġija timmira lejn tliet stadji differenti fil-ħajja edukattiva tal-istudenti u toffri proposti li jistgħu jitwettqu.

L-ewwel pass hu l-prevenzjoni biex sa minn kmieni l-istudenti jiġu mħeġġa jkomplu jistudjaw. Dan jista’ jsir billi jiġi offrut “childcare” b’xejn, l-iskejjel ikomplu jinbidlu u jsiru iktar relevanti għal kull student, tiżdied l-innovazzjoni fit-taħriġ, aktar taħriġ għall-għalliema u iktar involviment tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ uliedhom.

It-tieni pass hu li jsir intervent biex is-sistema edukattiva ssir iktar rilevanti għall-bżonnijiet tal-istudenti biex b’hekk tingħata importanza lil studenti li jkunu qed jaqgħu lura. Barra minn hekk iridu jiġu identifikati u jingħata wkoll sapport lil studenti li jkunu qed jaqgħu lura.

It-tielet pjan t’azzjoni li jrid jittieħed hu dak ta’ kumpens fejn studenti b’edukazzjoni baxxa jiġu offruti programmi biex jiġu integrati mill-ġdid fis-sistema edukattiva.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Evarist Bartolo spjega li trid issir ħidma anke ma’ min hu tajjeb fl-iskola biex ikollu sfida għalxiex jistudja. Qal li din mhix biss problema tal-istudenti imma wkoll tal-iskejjel rispettivi. Staqsa kemm l-iskejjel tagħna huma kapaċi jirrispondu għall-bżonnijiet tal-istudenti.

Evarist Bartolo qal ukoll li trid issir ħidma biex il-ġenituri jiġu integrati iktar fl-iskola u tonqos il-biża’ li dawn ikunu iktar parteċipi. Hu enfasizza wkoll fuq l-importanza li din l-istrateġija timxi id f’id ma’ strateġiji oħra bħall-istrateġija kontra l-illitteriżmu, l-istrateġija dwar l-edukazzjoni matul il-ħajja. Huwa tkellem ukoll fuq il-liġi dwar l-edukazzjoni li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Qal ukoll li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed iħares lejn il-ħolqien ta’ pjan alternattiv għall-korsijiet offruti mill-MATSEC. Dwar dan għaddejja diskussjoni kemm mal-MATSEC, mal-Universita’ ta’ Malta kif ukoll ma’ instituzzjonijiet edukattivi oħra f’pajjiżna.