Il-Qorti mistennija tikkunsidra t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Jason Galea ta’ 39 sena minn Birżebbuġia u George Galea ta’ 41 sena minn San Ġiljan li jinsabu akkużati bi qtil doppju ta’ Mario Camilleri ta’ 51 sena magħruf bħala “L-Imnieħru” u t’ibnu, Mario Camilleri.
Wara li xehed l-Ispettur Fabian Fleri, il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona ddiferixxa għal iktar smiegħ tal-provi għat-18 ta’ Ġunju, li mistenni jkun trattat ir-rikors għat-talba li saret biex l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront taż-żewg akkużati li baqgħu jinżammu l-ħabs.
Fl-aħħar seduta li kienet saret sitt ġimgħat ilu, l-Avukat difensur Joe Giglio, li qed jidher għal Jason Galea qal li d-difiża qed tkompli tesprimi s-sorpriża tagħha għall-fatt li x-xhud prinċipali Alfredo Attard, sid l-għalqa, tqiegħed taħt “witness protection programm”, meta l-informazzjoni li ta taqbel eżatt ma dik li ta Galea lill-Pulizija.
L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wieġeb b’nota għal verbal it-Tlieta filgħaxija u għaldaqstant ma ttellawx iktar xhieda ħlief dik tal-Ispettur fit-taqsima tal-Investigazzjoni Kriminali, Fabian Fleri.
L-Ispettur Fleri rrakkonta kif fit-18 ta’ Lulju 2013, flimkien mal-Ispettur Chris Pullicino, kien sab ix-xena li fih instabu ż-żewg katavri fuq xulxin, ras ma’ ras, ta’ Mario Camilleri, “l-Imnieħru” u ta’ ibnu. Huwa qal ukoll kif l-għada instab ukoll il-kadavru ta’ Matthew Zahra.
L-Ispettur Fleri xehed ukoll dwar l-istqarrija li għamel Alfredo Attard, sid l-għalqa li qal fl-interrogazzjoni kif l-akkużati kien wettqu d-delitti fuq l-irġiel Camilleri. Xehed ukoll dwar kif sena qabel Jason Galea kien involut fil-qtil ta’ Matthew Zahra flimkien ma Ronald Urry. L-Ispettur Fabian Fleri qal li nhar is-17 ta’ Lulju li għadda kien sar rapport li Mario Camilleri u ibnu kienu nieqsa. L-aħħar li kienu rawhom kien fil-kumpanija ta’ ċerta Emanuel Farrugia u Jason Galea.
Sussegwentament, l-Ispettur Fleri daħal għax-xogħol l-għada għall-ħabta tat-8.00 p.m. Dakinhar qal li kien jaf li kien hemm ċertu Emanuel Farrugia li kien arrestat.
Chris Pullicino kien informa li dan Farrugia kien se jurina għalqa fejn kien wassal lil Mario Camilleri Junior. “Kont mort miegħu fl-għalqa u morna Birżebbuġa. Inżilna mill-vettura u bdejna mexjin fi Triq l-Għanejja, f’Birżebbuġa stess.”
“Flimkien mal-Ispettur Pullicino, Farrugia daħħalna fi triq dejqa. Fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm xatba magħluqa. Bdejt inxomm riħa tinten. Farrugia beda jgħidilna sa hemmhekk wasalt. Indunajt li ‘l hinn mix-xatba tidħol f’razzett. Kif dħalna kien hemm munzell demel. Ersaqna viċin roqa fejn kien hemm il-ħamrija li kienet tidher li għada kif inqalet” qal l-Ispettur Fleri. Qal li bdew iħaffru u deheru erbat is-swaba u hemmhekk l-Ispettur Fleri u l-Ispettur Pullicino waqfu. Kien hemmhekk li kienu instabu żewġ kadavri, ta’ Mario Camilleri u ibnu Mario Camilleri “junior” li kien fuq dak ta’ missieru stess.
Il-kadavri kienu ġew maqlugħin u ttieħdu fil-kamra mortwarja. Dan ir-razzett ġie iċċirkondat u komplew ir-riċerki filgħodu. L-għada għall-ħabta tat-8.00 a.m, instabet parti minn sieq li kienet fi stadju avvanzat ta’ dekompożizzjoni.
“Beda jiġi ssuspettat li din kienet ta’ Matthew Zahra, li kien ġie nieqes sena qabel. Arrestajt lil Alfredo Attard, sid l-għalqa. Alfredo għall-bidu beda jgħid li ma jafx lil Jason u Emanuel Farrugia. Imbagħad qal li jaf lil Jason. Qal li Jason Galea kien avviċinah u qallu biex iħaffer ħofra għal tnejn jew tlieta min nies u kien se jagħtih €5,000”, kompla jgħid ix-xhud.
Qal li dakinhar kien mar b’vann flimkien ma’ George Galea, u kellhom kadavaru ta’ raġel li kien fuq in-naħa ta’ wara tal-vann. Huma poġġewh fil-ħofra, imbagħad wara d-deffien ġab lil Mario “Junior”. Ftit wara d-deffien telaq.
Hemmhekk inqala argument bejn “Mario Junior” u Jason Galea. Imbagħad George Galea spara tiri fil-konfront ta’ Mario “Junior”, u bdew jagħtuh b’sikkina u b’oġġetti oħra li kien hemm fir-razzett.
Qal ukoll li wara poġġewh f’karretta, poġġewh fil-vann u imbagħad poġġewh fil-ħofra. Huma qalulu biex jgħatti l-ħofra u jaħsel il-vann. Dwar is-sieq li nstabet, qal li sena qabel Jason Galea kien avviċinah biex iħaffer ħofra għal xi persuna. Qal li fil-15 t’Awwissu, kien hemm wieħed jgħidulu tal-Lira, ċertu Ronald Urry, li kien qagħad wara l-bajtar mistoħbi b’pisolta.
L-Ispettur Fleri qal li lil Matthew kien ġabu Jason b’karozza u kien Urry li sparalu. Wara Jason qallu biex jaħraq il-ġisem ta’ Matthew. Huwa għamel hekk iżda bħala assigurazzjoni żamm l-għadam ta’ jdejh.
Kien hemm xkora tal-karti li kienet qed tinuża bħala żibel u fiha nstab il-mus, kien hemm “cartrages” sparati, “bullet head”.
“Konna urejnieh ritratti ta’ Ronald Urry u kkonferma li kien hu li spara lil Matthew Zahra. Imbagħad ressaqna lil Jason Galea u George Galea li jinsabu akkużati b’dawn l-akkużi”, qal ix-xhud. Għall-akkużati qegħdin jidhru l-Avukati Giannella De Marco, Joseph Giglio u Stephen Tonna Lowell.
//= $special ?>

