Lokali

Turiżmu: Il-Gvern impenjat li jkompli l-ħidma bejn is-settur privat u dak governattiv

Fil-bidu tal-“Junior Chamber International European Conference”, li qed tiltaqa’ f’Malta, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li l-Gvern hu impenjat li jkompli fit-triq tal-ħidma konġunta bejn is-settur privat u dak governattiv fl-industrija turistika.

F’konferenza tal-aħbarijiet qabel il-bidu tal-konferenza, li qed tlaqqa’ 1,300 delegat minn madwar id-dinja, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern qed jaħdem fuq it-tisħiħ tas-settur turistiku tal-konferenzi għaliex dan jista’ jipprovdi ammont kbir ta’ turisti fix-xhur tax-xitwa.

Dan għandu jkompli jtejjeb is-sitwazzjoni turistika ta’ Malta, wara li s-sena li għaddiet kienet waħda rekord.

Il-Junior Chamber International hi organizzazzjoni volontarja li fiha jipparteċipaw madwar 200,000 persuna bejn it-18 u l-40 sena li ġejjin minn 5,000 komunita’ f’aktar minn 100 pajjiż differenti.

L-iskop tal-konferenza f’Malta hu li tlaqqa’ flimkien lil parteċipanti żgħażagħ futuri li flimkien jiddiskutu proposti varji internazzjonali biex jizviluppaw il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom.

Jirriżulta li fl-2013 Malta attirat 118,000 viżitatur kummerċjali, li 77,000 minnhom gew Malta biex attendew konferenzi u laqgħat.