Lokali

50 sena mill-ftuħ taċ-Ċentru ta’ Riżorsa Guardian Angel

Dedikazzjoni u impenn huma żewġ karatteristiċi li l-għalliema taċ-Ċentru ta’ Riżorsa Sekondarja, Guardian Angel, joffru ta’ kuljum lill-istudenti tagħhom.

Din is-sena dan iċ-ċentru qed jiċċelebra l-50 sena mill-ftuħ tiegħu u biex ikun iċċelebrat dan l-anniversarju l-iskola organizzat attivita’ msejħa “Niċċelebraw u Nirriċiklaw”. Attivita’ intiża li tgħin lill-istudenti jibqgħu jaħdmu fuq it-tema li dejjem imxew magħha matul din is-sena skolastika – dik li ngħixu b’saħħitna meta ngħixu f’ambjent nadif.

Il-kap tar-Resource Centre Joanne Mercieca spjegat kif f’din l-iskola hemm diversi riżorsi u faċilitajiet għal persuni b’diżabilta’ li wieħed ma jsibhomx fl-iskejjel l-oħra tal-Gvern, jiġifieri fl-iskejjel mainstream. F’dan iċ-ċentru l-istudenti jgawdu minn laboratorji bħal dak tal-Home Economics, tax-xjenza, tad-disinn, tat-teknoloġija li kollha huma attrezzati bl-aktar mod sigur u modern.

Ta’ kuljum, spjegat Joanne Mercieca, isir tagħlim adattat mill-għalliema mħarrġa biex kull student u studenta jkunu jistgħu juru l-ħiliet tagħhom. Huma jitgħallmu suġġetti differenti b’taħlita ta’ lezzjonijiet ibbażati speċjalment fuq il-prattika fis-suġġett.

Matul l-attivita’ l-istudenti u l-għalliema ħadmu flimkien biex ippreparaw ikel u oġġetti minn affarijiet riċiklati.

L-istudenti ta’ dan iċ-ċentru ma jgawdux biss mis-servizz tal-għalliema tagħhom u tal-bqija tal-istaff imma anke mis-servizz ta’ numru ta’ studenti tal-iskola sekondarja tal-bniet Maria Assunta li fuq bażi regolari jmorru jagħtu l-għajnuna tagħhom f’dan iċ-ċentru.

B’kollox ir-Resource Centre Guardian Angel jilqa’ fih aktar minn 40 student u studenta fuq bażi full time, jiġifieri ta’ kuljum dawn l-istudenti jmorru jitgħallmu f’dan iċ-ċentru filwaqt li l-istudenti part time jattendu f’xi ġranet matul il-ġimgħa biex jużaw ir-riżorsi li għandu dan l-istess ċentru.